Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019, l-aktar ċelebrazzjoni tal-ktieb importanti fis-sena, se jiftaħ għall-pubbliku nhar l-Erbgħa 6 ta’ Novembru b’konferenza dwar il-letteratura tal-fantaxjenza bl-isem ‘Strange New Worlds’. Il-konferenza se tkun organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Mark-Anthony Fenech, it-traduttur u l-kittieb tar-rumanz epiku bil-Malti It-Tawmaturgu: Il-Ħmura ta’ Filgħaxija (Horizons, 2017), se jkun qed imexxi d-diskussjoni li se tlaqqa’ lil Loranne Vella (Malta), Jon Courtenay Grimwood (Ir-Renju Unit), Kali Wallace (l-Istati Uniti) u Dave Rudden (l-Irlanda), erba’ kittieba li lkoll ikkreaw dinjiet ġodda u elaborati fil-kitba tagħhom. Il-konferenza se toffri spazju fejn dawn il-kittieba jirriflettu fuq il-ħsiebijiet u l-kuntesti li jiffurmaw lil xogħolhom.

Se tiġi indirizzata waħda mill-aktar temi sisien tal-letteratura tal-fantaxjenza, jiġifieri l-ħolqien ta’ mitoloġiji kontemporanji u futuri alternattivi li joħolqu realtajiet fittivi fejn l-azzjonijiet xorta waħda jsarrfu f’konsegwenzi li jinħassu tassew reali. Dawn huma l-ġeneri li jqajjmu il-mistoqsija “U li kieku?” bis-saħħa ta’ esperimenti letterarji li bosta drabi jirriflettu l-ansjetajiet profondi ta’ żmienna bl-użu ta’ dinjiet familjari u mhux, fl-istess ħin.

Il-mistoqsija dwar il-letterarjetà u l-ġeneru hija aspett ieħor tad-dibattitu li se tiġi esplorata. Illum ftit għadhom dawk li jsostnu li hemm xi diviżjoni ċara bejn l-arti għolja tal-finzjoni letterarja u letteratura eskejpista tal-ġeneru. Ħafna xogħlijiet jinsabu mxerrda fuq dan l-ispettru, madankollu l-fatt li l-letteratura tal-ġeneru u tal-fantaxjenza għadha titqies daqslikieku barranija, jew lil hinn mill-finzjoni letterarja, għadu jinfluwenza l-aspettativi tal-qarrejja.

Il-konferenza se ssegwi dan il-fil ta’ ħsieb u se tiftaħ aktar dwar il-modi mhux konvenzjonali li bihom jinħolqu dinjiet immaġinarji u fantastiċi li finalment qed jipprovdu lill-awtur u l-qarrej b’modi biex jiġu mifhumha l-isfidi reali tal-ħajja. Fl-aħħar tad-diskussjoni jkun hemm ċans biex jintervjeni l-pubbliku.

Dave Rudden huwa l-awtur tat-triloġija rebbieħa Knights of the Borrowed Dark, kif ukoll Twelve Angels Weeping li hu parti mill-antoloġija ta’ Doctor Who. Tlaqqam bħala l-J.K Rowling il-ġdid, u tkellem f’aktar minn 500 skola u librerija mferrxin fi tliet kontinenti, fi triqtu biex isir kittieb u jegħleb ukoll it-trawma tal-ibbuljar.

Kali Wallace studjat il-ġeoloġija u rċiviet id-Dottorat fil-Ġeofiżika, qabel ma rrealizzat li tħobb aktar tivvinta dinjiet immaġinarji milli tirriċerka dawk reali. Hija l-awtriċi tar-rumanzi għaż-żgħażagħ Shallow Graves u The Memory Trees u r-rumanz fantaxjentifiku City of Islands għal-tfal kbar tal-primarja. L-ewwel rumanz tagħha għall-kbar, it-thriller tal-orrur Salvation Day, ippubblikatu aktar kmieni dis-sena. Il-finzjoni qasira tagħha dehret fi Clarkesworld, F&SF, Asimov’s, Tor.com u fuljetti oħra ta’ letteratura spekulattiva. Tgħix fin-naħa t’isfel ta’ Kalifornja.

Loranne Vella hija kittieba, traduttriċi u performer Maltija. Bejn l-2007 u l-2009 kitbet it-tliet volumi ta’ Il-Fiddien ma’ Simon Bartolo – kull volum rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Rokit, l-ewwel rumanz tagħha għall-kbar, ġie ppubblikat fost stennija u tifħir f’Marzu tal-2017, u rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018. Tgħix Brussel fejn tmexxi grupp interdixxiplinarju ta’ arti performattiva jismu Barumbara Collective. L-aktar performance riċenti tal-grupp – Verbi: mill-bieb ’il ġewwa – kienet ibbażata fuq il-ġabra ta’ novelli ta’ Vella mill-bieb ’il ġewwa, li se tiġi ppubblikata f’Novembru ta’ dis-sena minn Ede Books.

Jon Courtenay Grimwood twieled Malta u trabba fil-Lvant Imbiegħed, ir-Renju Unit u l-Iskandinavja. Kiteb għal bosta gazzetti u fuljetti Brittaniċi ewlenin. Felaheen, it-tielet rumanz fit-triloġija ‘Arabesk’, rebbħu l-British Science Fiction Association Award (BFSA). Ir-rumanzi tiegħu għamluha mal-finalisti ta’ bosta premji oħra, fosthom il-Premju Arthur C Clarke, il-British Fantasy Award u l-Premju Kommemorattiv John W Campbell. Xogħlijietu nqalbu f’aktar minn 10 lingwi.

Mark-Anthony Fenech jittraduċi għall-istituzzjonijiet tal-UE fil-Lussemburgu. Ilu affaxxinat b’kull ħaġa relatata mall-ispazju sa minn meta kien żgħir u jqis il-mużika metal u l-kotba tal-fantaxjenza mall-passjonijiet tiegħu. It-Tawmaturgu: Il-Ħmura ta’ Filgħaxija huwa l-ewwel rumanz ippubblikat tiegħu.

 

 

 

 

Il-konferenza ‘Strange New Worlds’ se ssir l-Erbgħa 6 ta’ Novembru fis-7pm f’Theatre Hall, Dar il-Mediterran.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019 se jsir mill-Erbgħa 6 ta’ Novembru sal-Ħadd 10 ta’ Novembru. Il-programm tal-avvenimenti kollha jista’ jitniżżel minn hawn.


Share Article