F’dan l-episodju ta’ ‘Taħt il-Qoxra’, Rachelle Deguara titkellem ma’ John A. Bonello dwar il-ktieb tiegħu ‘It-Taár’, li hu wkoll finalist għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tar-rumanzi bil-Malti u l-Ingliż.

‘It-Taár’ jieħu lill-qarrej 70 sena wara attakk nukleari li qered lid-dinja. Il-ftit li baqgħu ħajja jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena, iżda grupp ieħor ta’ nies jinsab protett f’torri li kien mibni apposta biex jilqa’ għal xi diżastru naturali.

Bonello jgħid li r-rakkont mimli kuntrasti, ngħidu aħna bejn it-tifkiriet ta’ min jgħix barra t-torri u dawk li jgħixu fih. L-awtur jirrimarka li d-dettall tal-arkitettura li tfassal l-ispazji fir-rumanz għenu biex jaċċentwa l-kunflitt kbir bejn il-karattri u l-post li jgħixu fih.

Għalhekk ir-rumanz jirrappreżenta utopja (it-torri) ġewwa distopja (barra t-torri) fi żmien ta’ kriżi dinjija. Skont Bonello l-kriżi, li hi riżultat tal-kilba tal-bniedem, twassal biex toħroġ minnu mhux l-agħar tiegħu, imma l-aħjar.

Fit-tieni parti l-awtur jikkummenta dwar x’tinvolvi pubblikazzjoni li ma ssirx għand pubblikatur (self-publishing).

Segwi aktar minn din l-intervista hawnhekk.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.


Share Article