F’dan l-episodju minn Taħt il-Qoxra, Rachelle Deguara tkellmet ma’ Simon Bartolo dwar il-kotba li kiteb, fosthom it-triloġija Il-Fiddien ma’ Loranne Vella, is-suq tal-fantaxjenza f’Malta u l-letteratura għaż-żgħażagħ.

Il-mistieden tkellem dwar it-triloġija Il-Fiddien, li għadha l-aqwa bestseller f’Malta u kif din fetħet triq għall-ġeneru tal-fantaxjenza f’Malta. Skont l-awtur, l-aktar ħaġa li ħalliet impatt fuq il-qarrej kienet il-lingwa użata fit-triloġija, li appellat għat-tfal.

Bartolo tkellem dwar il-letteratura għaż-żgħażagħ, x’letteratura għandha tiġi pprovduta għalihom, u jaħsibx li l-ġeneru tar-rumanz għaż-żgħażagħ qigħedx isir ħaġa waħda ma’ dak tal-kbar, fost oħrajn.

Isma’ l-intervista sħiħa minn hawnhekk.

Simon Bartolo huwa wieħed miż-żewġ kittieba ta’ Sqaq l-Infern u l-bqija tal-kotba fit-triloġija Il-Fiddien li kiteb ma’ Loranne Vella. Rebaħ għadd ta’ premijiet b’dawn il-kotba, u b’kotba oħra bħal Kliem ir-Riħ, Deformity u Kważi kważi lil Tamara nżommuha. Dis-sena ħareġ il-ktieb A seat at the table. Il-produzzjoni teatrali tiegħu tal-2016, Ħabbilni ħa nirbaħ, dis-sena ġiet addattata għall-film.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.


Share Article