Comments are off for this post

Taħt il-Qoxra: Steve Borg

F’dan l-episodju mis-sensiela ‘Taħt il-Qoxra’ Rachelle Deguara tkellmet ma’ Steve Borg.

Mal-mistieden tkellimna dwar iż-żewġ volumi tiegħu ta’ riċerka etnografika: Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom, speċjalment it-tieni volum li għadu kif rebaħ bih il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Ħarisna lejn in-nozzjonijiet ta’ ‘Malta l-qadima’ u ‘Malta l-ġdida’, in-natura ta’ xogħol etnografiku, il-grad tal-involviment tal-awtur f’riċerka etnografika, ir-referenza għal Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, il-kompatibbiltà ta’ kitba nazzjonalistika ma’ kitba soċjoekonomika, u t-taħlit f’ġensna u kif nirreaġixu għalih, u anki sibna ċ-ċans nisimgħu xi stejjer milli ltaqa’ magħhom.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.

Dr. Steve Borg serva bħala segretarju ta’ FondazzjonI Wirt Artna u l-Għaqda Ħbieb tal-Arkivji Nazzjonali għal ħafna snin. Huwa pproduċa u ppreżenta diversi sensiliet fuq ir-radju u l-istazzjon televiżiv nazzjonali Malti, fosthom ‘Għeruqna’, ‘Worldbeat’ u ‘Kif Għadda ż-Żmien’, kif ukoll ittraduċa kotba għall-Malti. Ipproduċa wkoll għadd ta’ albums mużikali bil-Malti ta’ kantanti ewlenin. Borg iggradwa mill-Università ta’ Northumbria (Newcastle) u ġab id-dottorat mal-Università ta’ Hull fl-Arti u l-Midja l-Ġdida.

Il-Kunsill Nazzjonalli tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.