Il-lista ta’ finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal din is-sena tixhed tibdil fit-tendenzi li wieħed ta’ min jinnota, speċjalment fil-kategorija ‘Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż’. Minn total ta’ 8 finalisti magħżula, 3 ġejjin mill-ġeneru tal-fantaxjenza, li dejjem kien ġeneru mhux daqstant rappreżentat fix-xena letterarja lokali: Rokit ta’ Loranne Vella, It-Taàr ta’ John A. Bonello u It-Tawmaturgu ta’ Mark Anthony Fenech. Dan tal-aħħar l-aktar wieħed li hu espliċitament fantaxjentifiku, bl-użu ta’ lingwaġġ innovattiv li jintroduċi termini xjentifiċi bil-Malti.

Aspett ieħor interessanti għandu x’jaqsam mal-għadd ta’ kittieba nisa li huma finalisti fil-kategorija tar-rumanzi: Loranne Vella, Lou Drofenik u Nadia Mifsud. Dan ikompli ma’ dak li nkiseb is-sena li għaddiet, meta għall-ewwel darba fl-istorja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kien hemm 3 nisa wkoll finalisti – Lou Drofenik, Lillian Sciberras u Lara Calleja.

Tendenza oħra li ġiet osservata fl-aħħar edizzjonijiet tal-festival, u li kompliet fl-edizzjoni ta’ dis-sena, hija n-numru ta’ ismijiet ġodda fil-kategorija tar-rumanzi. Dis-sena kien hemm sorpriża oħra għall-fatt li żewġ kittieba magħrufa l-aktar għall-poeżija, Gieole Galea u Nadia Mifsud, irnexxielhom ikunu mal-finalisti bl-ewwel rumanz tagħhom. Rumanz ieħor li qiegħed mal-finalisti huwa Kapitali, id-debutt tal-ġurnalist freelance u l-blogger Wayne Flask.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq ifakkar li din il-lista ta’ finalisti tista’ sservi bħala gwida ta’ min joqgħod fuqha dwar l-aqwa xogħlijiet letterarji ppubblikati f’Malta fl-2017. Il-kotba se jkunu kollha għall-bejgħ minn fuq l-ixkafef tal-pubblikaturi u l-bejjiegħa tal-kotba waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article