Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li għall-ewwel darba din is-sena, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ser jinqasam f’żewġ sezzjonijiet distinti: il-Premju ta’ Kotba għall-Adulti, li bħal dejjem ser isir fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru; u l-Premju ta’ Kotba għat-Tfal u l-Adolexxenti li ser iġorr it-titlu PREMJU TERRAMAXKA.

 

Għala Premju Terramaxka? Mit-terramaxka joħorġu melodiji mużikali, liema melodiji jistgħu jitfgħu lil dak li jkun f’ħolma jew f’fantasija u bl-istess mod, il-kotba għat-tfal jistgħu jiftħu triq għal dinja tal-ħolm fejn il-fantasija ssir realtà.

 

Premju Terramaxka ser jitnieda fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (4-8 NOV, MCC) fil-ħinijiet ta’ filgħodu meta l-Festival iżuruh l-għalliema u l-istudenti. Fil-ħinijiet ta’ filgħodu, il-Premju Terramaxka ser ikun wieħed mill-attivitajiet li ser ibiddlu l-Festival f’post fejn ir-realtà u l-fantasija jsiru xi ħaġa waħda, fejn it-tfal ser jidħlu f’dinja tal-ħolm, fejn il-karattri tal-kotba ser jieħdu l-ħajja u jsiru tad-demm u l-laħam u ser ikunu preżenti fostna.

 

Premju Terramaxka fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Titilfuhx!

 

 .


Share Article