Filwaqt li jirringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Arti tal-kontribut siewi lejn il-kitba Maltija u l-industrija tal-kotba tul dawn l-aħħar snin permezz tat-Translation Grant, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qiegħed iħabbar li se jkun qed jieħu f’idejh din l-għotja bħala parti minn ristrutturar tal-Fond Malti tal-Ktieb.

Minn Mejju tal-2020, it-Translation Grant fi ħdan il-Cultural Export Fund tal-Kunsill Malti għall-Arti se jibda jagħmel parti mill-Fond Malti tal-Ktieb. Mal-Fond preżenti (b’Għotjiet għall-Pubblikazzjoni u għall-Edukazzjoni) se jkunu qegħdin jiżdiedu l-Għotjiet għat-Traduduzzjoni, kemm mill-Malti għal lingwi oħra, u għotja ġdida għat-traduzzjoni ta’ xogħlijiet miktubin fi kwalunkwe lingwa oħra għall-Malti.

Il-valur totali tal-Fond Malti tal-Ktieb 2020 se jkun ta’ EUR 105,000; EUR 50,000 għal Għotjiet għall-Pubblikazzjoni, EUR 40,000 għal Għotjiet għat-Traduduzzjoni mill-Malti għal lingwi oħra, u EUR 15,000 għal Għotjiet għat-Traduzzjoni minn lingwi oħra għall-Malti. L-għotjiet kollha tal-Fond Malti tal-Ktieb jimxu mal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba u se jkunu miftuħin għal kotba ta’ finzjoni, kotba mhux fittizji u kotba ta’ riċerka akkademika. L-għotjiet se jkunu qegħdin jingħataw wara proċess kompetittiv ta’ aġġudikazzjoni.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet u l-linji gwida se jinħarġu f’Mejju tal-2020.

Għal aktar tagħrif u aġġornamenti dwar il-Fond Malti tal-Ktieb żuru s-sit tal-KNK jew il-paġna tal-KNK fuq Facebook.

 


Share Article