604_banner-01

 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jixtieq iħabbar li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ser iseħħ fit-12 – 16 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, Valletta.

 

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa kontinwazzjoni tal-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb li ġiet mogħtija libsa ġdida bħala parti mill-isforzi tal-KNK biex iżid il-valur kulturali f’dan l-aveniment annwali u prestiġjuż.

 

L-għan tal-Festival huwa li jippromwovi l-kotba Maltin lill-Maltin u l-barranin u biex jippreżenta lill-udjenza Maltija b’esperjenza kulturali li tirrefletti l-iżvilluppi globali fid-dinja tal-ktieb.

 

F’kontinwazzjoni mal-Festival tas-sena l-oħra, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena ser ikun ippakkjat b’avvenimenti kulturali u inizjattivi interessanti. Awturi u pubblikaturi lokali ser jippromwovu u jniedu ix-xogħlijiet tagħhom filwaqt NGOs u entitajiet oħra ser jorganizzaw dibattiti u lectures.

 

Il-parteċipazzjoni barranija ser tkun immarkata permezz tal-preżenza tal-Franċiżi u t-Taljani grazzi għall-Ambaxxata Franċiża u l-Istitut Kulturali Taljan rispettivament.

 

It-tfal tal-iskola ser jingħataw €2 voucher għal xiri ta’ kotba waqt iż-żjara tagħom u diversi attivitajiet ta’ pubblikaturi qed jiġu ssussidjati sabiex l-avvenimenti iseħħu fuq skala ikbar. NGOs relatati mas-settur tal-kotba ser ikunu qed jipparteċipaw bi stand bla ħlas provduta mill-KNK.

 

Proġett ewlieni li ser ikun imniedi fil-Festival mill-KNK b’kollaborazzjoni mal-ONE, huwa film qasir ta’ novella ta’ Immanuel Mifsud. L-għan wara dan il-proġett huwa biex iniedi l-viżjoni tal-KNK li jintegra id-dinja tal-Ktieb mad-dinja tat-TV u l-film.

 

Huwa previst li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena ser ikun wieħed mill-aktar avvenimenti vibranti u eċitanti li qatt sar fid-dinja tal-ktieb Malti.

 

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena huwa parzjalment sponsorjat mill-APS Bank.

 

 

 


Share Article