Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għall-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019 ittellgħet illejla fil-Palazz ta’ San Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. George Vella. Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-qarrej tal-aħbarijiet u ġurnalist ta’ TVM Keith Demicoli.

Fid-diskors tal-ftuħ il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri innota li din kienet l-ewwel darba li ċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb saret taħt l-awspiċi tal-President tar-Repubblika. Filwaqt li l-KNK u l-industrija tal-kotba fl-aħħar snin irċevew sostenn mingħajr preċedent mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-implikazzjonijiet fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u d-dmir tal-KNK li jissalvagwardja l-interessi tal-imsieħba tiegħu wasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill li jiddistanzja lilu nnifsu mill-istituzzjoni msemmija. Camilleri rrimarka li għalkemm Caruana Galizia ma kinitx awtriċi ta’ kotba, xorta kienet waħda minn ta’ ġewwa bħala kittieba, u l-qtil tagħha minħabba dak li kienet tikteb huwa inaċċettabbli.

F’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi, Camilleri appella lill-E.T. George Vella biex jassumi r-rwol importanti ta’ patrun u difensur tal-interessi tal-kittieba u l-pubblikaturi u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-attivitajiet tal-KNK. L-industrija tal-kotba u l-kittieba tagħha jibqgħu għajn ta’ tama li tindirizza l-isfidi tal-biża’, iċ-ċensura u d-degradazzjoni politika u b’hekk jistħoqilhom bil-bosta li jiġu protetti.

Fl-istess ħin il-KNK jibqa’ jaħdem biex jissapportja lill-industrija u jrawwem l-imħabba għall-qari. Sena wara sena l-Kunsill baqa’ jgħolli l-valur monetarju tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll jgħolli l-livell tal-proċess diġà rigoruż tal-aġġudikazzjoni. Dan se jibqa’ jagħmlu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK faħħar il-livell għoli tal-kotba tal-finzjoni u x-xogħlijiet akkademiċi li kkompetew għall-Premju ta’ dis-sena, u feraħ lil dawk kollha li għamluha mal-finalisti. Huwa u jagħlaq, Camilleri stieden lill-kittieba kollha biex iħarsu lil hinn mill-kompetizzjoni, jingħaqdu, u jagħrfu s-saħħa li għandhom biex jinfluwenzaw lis-soċjetà sabiex tegħleb l-isfidi preżenti tagħha.

L-awturi u l-pubblikaturi rebbieħa rċevew il-premju mingħand l-E.T. George Vella. Dawn inkludew il-premji għall-kotba (ippubblikati fl-2018) li għamluha mal-finalisti fi tmien kategoriji rispettivi. Ir-rebbieħ fil-kategorija ‘Novelli bil-Malti u bl-Ingliż’ huwa Trevor Żahra bi 365 (Merlin Publishers). It-titlu rebbieħ fil-kategorija ‘Riċerka Ġenerali’ huwa Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom; It-Tieni Volum ta’ Steve Borg, ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin. Fortress Colony: The Final Act 1945-1964; Vol 4 1961-1964 ta’ Joseph M. Pirotta (Midsea Books) rebaħ fil-kategorija ‘Riċerka Bijografika u Storjografika’. Marie Briguglio u Steve Borg rebħu l-premju fil-kategorija ‘Letteratura mhux Fittizja’ b’No Man’s Land: People, Place & Pollution (Kite Group). Parallel Existencies. The Notarial Archives: A Photographer’s Inspiration ippubblikat minn Kite Group rebaħ il-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb. Il-premju għall-kategorija ‘Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż’ ma ngħatax.

Maria Grech Ganado rebħet il-premju fil-kategorija ‘Poeżija bil-Malti u bl-Ingliż’ bil-ġabra Framed (Merlin Publishers). Peress li diġà rebħet il-premju msemmi fl-2000, l-2006 u l-2015, Grech Ganado hija wkoll l-ewwel rebbieħa tal-Premju Poeta Lawreat. Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti ngħata lil Gioele Galea. Il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba, li rrikonoxxa karriera letterarja distinta u sħiħa b’lista twila ta’ pubblikazzjonijiet fosthom drammi, novelli, rumanzi u kotba oħra, ingħata lil Dr. Alfred Sant.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici feraħ lill-awturi finalisti u rebbieħa kollha u rrimarka dwar l-iżviluppi pożittivi fis-settur letterarju Malti, partikolarment it-tkabbir tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Bonnici ħeġġeġ lill-kittieba biex ikomplu jipprattikaw is-sengħa tagħhom, waqt li osserva li għandhom l-irwol kruċjali fl-iżvilupp tas-soċjetà, li jirriflettuha, u fil-proċess iwittu l-futur tagħha.

L-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella wera apprezzamet għall-isforzi li qed isiru mill-awturi Maltin. Żied jgħid li l-użu tajjeb tal-Malti huwa importanti ħafna għax bil-pubblikazzjoni tal-kotba jinżammu l-istandards tal-lingwa tagħna. Esprima sodisfazzjon għall-fatt li l-pubblikaturi qed jappoġġjaw lill-awturi Maltin u rrimarka kif qatt ma kien hawn daqstant kotba Maltin ippubblikati daqs kemm hawn bħalissa. Filwaqt li feraħ lir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019, awgura li l-kittieba jibqgħu jiktbu fil-libertà u jagħtu iktar informazzjoni dwar il-kultura u l-identità Maltija permezz tal-kotba.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-membri tal-ġurija li serva fuq il-bord tal-aġġudikazzjoni għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019: Prof. Yosanne Vella, Mr. Mario Ellul, Ms. Maria Giuliana Fenech għall-kategoriji ‘Riċerka Ġenerali’, ’Riċerka Bijografika u Storjografika’ u ‘Letteratura mhux Fittizja’; Mr. Kevin Saliba, Dr. Slavomir Ceplo u Mr. David Hudson għall-kategoriji ‘Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż’ u ‘Poeżija bil-Malti u bl-Ingliż’ u ‘Novelli bil-Malti u bl-Ingliż’.

Il-lista sħiħa tar-rebbieħa fil-kategoriji rispettivi:

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ’
PREMJU MHUX MOGĦTI

 

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘POEŻIJA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ’
PREMJU MOGĦTI LIL MARIA GRECH GANADO GĦALL-KTIEB
FRAMED

 

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ’
PREMJU MOGĦTI LIL TREVOR ŻAHRA GĦALL-KTIEB
365

 

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘LETTERATURA MHUX FITTIZJA’
PREMJU MOGĦTI LIL MARIE BRIGUGLIO U STEVE BONELLO GĦALL-KTIEB
NO MAN’S LAND: PEOPLE, PLACE & POLLUTION

 

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA  ‘TRADUZZJONI’
PREMJU MOGĦTI LIL TONI AQUILINA GĦALL-KTIEB
ANTIGONA

 

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘RIĊERKA TA’ NATURA ĠENERALI’
PREMJU MOGĦTI LIL STEVE BORG GĦALL-KTIEB
IL-MALTIN: GĦEMILHOM, DRAWWIETHOM, ĠRAJJIETHOM; It-Tieni Volum

 

TITLU REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ’RIĊERKA TA’ NATURA BIJOGRAFIKA U STORJOGRAFIKA’
PREMJU LIL JOSEPH M. PIROTTA GĦALL-KTIEB
FORTRESS COLONY: THE FINAL ACT 1945-1964; Vol. 4 1961-1964

 

PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA
MOGĦTI LIL KITE GROUP GĦALL-KTIEB
PARALLEL EXISTENCES. THE NOTARIAL ARCHIVES: A PHOTOGRAPHER’S INSPIRATION  

 

PREMJU GĦALL-POETA LAWREAT
MARIA GRECH GANADO

 

PREMJU GĦALL-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI MOGĦTI LIL
GIOELE GALEA

 

PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA MOGĦTI LIL
ALFRED SANT

 


    Share Article