Wara li ċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tħassret f’Novembru li għadda, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar li ċ-ċerimonja se ssir fl-Uffiċċju tal-President f’San Anton, u dan wara preparameni li ilhom sejrin minn Diċembru.

Is-serata tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019, għal kotba ppubblikati fl-2018, se ssir il-Ħamis 30 ta’ Jannar taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu George Vella. L-awturi rebbieħa u l-pubblikaturi rispettivi se jissejħu biex jiġbru l-premju tagħhom waqt dan l-avveniment privat.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (PNK) huwa l-aktar premju letterarju prestiġġjuż li jingħata lil awturi, pubblikaturi u illustraturi għal xogħlijiet ippubblikati lokalment matul is-sena ta’ qabel.

B’kollox kien hemm 34 finalist f’seba’ minn tmien kategoriji differenti: Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż, Novelli bil-Malti u bl-Ingliż, Poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż, Traduzzjoni, Riċerka ta’ Natura Ġenerali, Riċerka ta’ Natura Bijografika u Storjografika, u l-kategorija l-ġdida, Letteratura mhux Fittizja bil-Malti u bl-Ingliż. Din is-sena ma kienx hemm sottomissjonijiet fil-kategorija tad-Drama bil-Malti u bl-Ingliż. Bord indipendenti, appuntat speċifikament biex jaġġudika l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, evalwa s-sottomissjonijiet skont damma ta’ kriterji. Il-kriterji u r-regolamenti dwar il-premji tista’ tniżżilhom minn hawnhekk.

L-istorja tal-PNK tmur lura għall-1971. Il-PNK jinkludi wkoll il-Premju Terramaxka (PT) għal kotba tat-tfal u l-adolexxenti iżda ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-PT isseħħ f’serata privata li tagħti bidu għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li jsir f’Novembru. Dis-sena s-serata saret it-Tlieta 5 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb imbagħad hu orjentat għall-adulti. Minbarra t-tmien kategoriji tiegħu, il-premju prestiġjuż għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Premju għall-Aqwa Awtur Emerġenti, dis-sena ġie varat premju ieħor, il-Poeta Lawreat, li jista’ jingħata lil dak ir-rebbieħ fil-kategorija tal-Poeżija jekk l-istess persuna tkun diġà rebħet il-PNK fi kwalunkwe kategorija oħra fil-passat. Ma’ dawn il-premji jkun hemm ukoll il-Premju għall-Aqwa Produzzjoni ta’ Ktieb, li tieħdu d-dar ta’ pubblikazzjoni li tkun ippubblikat il-ktieb.

Bidla sinjifikanti oħra tinsab fil-valur tal-premjijiet. Fil-kategoriji kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb l-ammont tar-rebħ tela’ minn €1,000 għal €4,000. L-istess jgħodd għall-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti u l-Premju Poeta Lawreat.

Dis-sena l-kategoriji tar-Riċerka Ġenerali u tar-Riċerka Bijografika u Storjografika kien fihom għadd imdaqqas ta’ finalisti, filwaqt li mill-kategoriji tal-finzjoni n-Novelli bil-Malti u bl-Ingliż kienet l-akbar waħda. Rumanzi bil-Malti u bl-Ingliż kien hemm biss tliet finalisti, u f’tal-Poeżija tnejn. Erba’ finalisti jiffurmaw il-kategorija tat-Traduzzjoni, u l-kategorija l-ġdida tal-Letteratura mhux Fittizja ġġorr tnejn.

Il-lista tal-finalisti kollha tal-PNK 2019 ġiet ippubblikata f’Lulju, u l-membri tal-pubbliku huma mħeġġa jseqwu din il-lista bħala indikatur tal-aħjar letteratura ppubblikata fl-2018. 

Ibqgħu segwu l-istqarrijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-paġna tal-Facebook u s-sit sabiex tkunu aġġornati ma’ dak kollu li qed isir. Il-lista tar-rebbieħa tal-PNK 2019 tiġi ppubblikata wkoll fil-gazzetti lokali.

 

 


    Share Article