Skip to content

Mas-Sikta tal-Ħarifa

Innota li l-ħarifa hija aktar staġun ta’ ruħna,
milli staġun tan-natura!

– Friedrich Nietzsche


bil-mod il-mod
bexxaqt għajnejja,
mat-tektik u t-taħbit mat-tieqa mbexxqa ta’ kamarti
stenbaħt għal jum li ma sebaħ qatt

tbissimli l-kannella jqarmeċ u sellem l-vjaġġ inutli tiegħi…
u mar jinġabar f’rokna jisfuma mal-oranġjo
u tħallat mal-aħdar niexef jitrembel fl-għafja tal-mewt,
iggranfaw id f’id taħt xemx bajda f’moħba mqanżħa
u ttantaw jiżfnu.
U siktu
ma’ dil-ħarifa-ħrafa.

Għebet fgata għanjet il-grillu
marret ‘il bogħod fejn sħab tqil li jrid inissel dmugħu
mbikkem b’geddumu griż
jirtogħod,
iħares ċass lejn dil-imħabba-ħrafa

anke l-għasafar m’azzardawx illum ipespsu,
tnaffru, rixhom tberfel,
għax semgħu lil hinn passi tqal ikaxkru għażż,
passi b’ħarsithom vojta
lejn kurċifiss li baqa’ b’rasu baxxuta
il-kurċifiss li njora ‘l ħarsti
tani dahru u dmugħi ma mesaħx.

Kollox siket.
Ħaġa waħda tissokta.
Waħda biss.
Tissokta mħabbti lejk.
Il-poeżija tagħna…għax għadna jien u int.
Jekk mal-ħarifa jiskot kollox..tamitna le

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.