Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jesprimi s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Paul Mizzi, li ħalliena llum, il-5 t’Awwissu 2019.

Mizzi, il-fundatur ta’ Klabb Kotba Maltin (1970) u Midsea Books Ltd (1974), kien pijunier fl-industrija tal-kotba f’Malta u miegħu hemm ippubblikati bosta mill-aktar kotba fundamentali fil-letteratura Maltija, fosthom id-dizzjunarji ta’ Ġużè Aquilina u Erin Serracino Inglott, il-kotba ta’ Oliver Friggieri u d-drammi ta’ Francis Ebejer, il-poeżiji ta’ Doreen Micallef u kotba oħra ta’ studji storiċi ta’ Godfrey Wettinger.

Kien attiv ħafna fil-qasam tal-kotba f’Malta, billi ħadem ma’ diversi gvernijiet sabiex tittella’ ta’ kull sena l-Fiera tal-Ktieb, li fil-bidu tagħha kellha xeħta internazzjonali, u li Mizzi kien jifforma parti mill-ewwel kumitat tagħha.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Mizzi, u jqawwi qalb Joe Mizzi biex ikompli bil-ħidma sfiqa tiegħu biex l-industrija tal-kotba f’Malta tkompli tikber b’kotba ta’ aktar kwalità, b’awturi li jkunu jistgħu jgħixu minn fuq il-kotba li jippubblikaw, u finalment b’poplu li jikkonsma l-letteratura b’mod intelliġenti.

Ritratt: www.midseabooks.com


Share Article