Iċ-ĊAK (Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni), fi ħdan il-Patrijiet Franġiskani Konventwali, twaqqaf fl-1998 bl-iskop li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-animazzjoni reliġjuża permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Beda jippubblika diversi fuljetti, rivisti u kotba ta’ natura reliġjuża u fl-2005 inkorpora miegħu d-Dar Editriċi Reliġjon u Ħajja li kienet twaqqfet fl-1967 minn Patri Alessandru Bonnici. Id-Dar Editriċi kompliet bil-ħidma fil-qasam tal-kotba reliġjużi u f’dan l-aħħar żmien saret il-pubblikatur uffiċjali tad-dokumenti l-aktar importanti tal-Knisja u tal-Papiet; dan bi ftehim mal-Konferenza Episkopali Maltija u mal-Libreria Editrice Vaticana. S’issa ċ-ĊAK ippubblika aktar minn 325 ktieb.