Konverżazzjoni bejn l-awtur tal-ktieb A Memoir From Malta’s Prison: From a cage, on a rock, in a puddle, Daniel Holmes, u Chris Peregin minn Lovin Malta li għadhom kif ippubblikaw it-tifkiriet tal-ħabs ta’ Holmes.

Peress li Holmes huwa tturufnat minn Malta l-intervista se ssir virtwalment.
Holmes kien ġie Malta biex igawdi l-bqija ta’ ħajtu b’mod sempliċi fil-Mediterran, iżda minflok qatta’ 10 snin il-ħabs wara li nqabad bi pjanta tal-kannabis u għadda ġuri daqslikieku kien traffikant kbir tad-droga.

Dal-ktieb jiddokumenta l-esperjenza ta’ Holmes hekk kif kitibha miċ-ċella tiegħu u jixħet dawl fuq is-sistema ġudizzjarja Maltija u l-ħajja fil-Ħabs ta’ Kordin.

Ippubblikat minn Lovin Malta u sponsorjat bi pjaċir mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, dal-ktieb jista’ jgħin biex jipponta lejn bidliet leġiżlattivi meħtieġa – il-kultivazzjoni tal-kannabis għadha offiża kriminali f’Malta. Għalkemm sar simbolu tal-battalja għal-legalizzazzjoni tal-kannabus, kellu jqatta’ s-sentenza kollha u meta ħareġ ġie tturufnat mill-gżira.

Minkejja li minn dak iż-żmien ‘l hawn Malta legalizzat l-użu mediċinali tal-kannabis u ddekriminalizzat l-użu personali tagħha, l-arrest ta’ Holmes sar fi żmien meta l-forzi tal-ordni ma kienu jħalluha lixxa lil ħadd li jinqabad bid-drogi, anki drogi hekk meqjusa ‘ħfief’ bħall-ħaxixa.