Heritage Malta hija l-aġenzija nazzjonali tal-mużewijiet, il-konservazzjoni u l-patrimonju kulturali. Hija attiva ferm fil-kamp tal-pubblikazzjoni bħala parti mill-isforzi tagħha b’risq id-demokratizzazzjoni tal-patrimonju. Il-firxa ta’ xogħlijiet ippubblikati tinkludi katalgi tal-wirjiet, ġabriet ta’ studji, kotba għat-tfal, kotba marbuta ma’ proġetti ta’ konservazzjoni u riġenerazzjoni, u studji aktar iffukati. Fil-ħarifa tal-2015, Heritage Malta nediet ukoll perjodiku li joħroġ darbtejn fis-sena. // Fl-14 ta’ Novembru 1920 twaqqfet l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li aktar tard saret magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti. Il-ħsieb ewlieni tagħha kien li tagħżel alfabett li jkun imħaddem mill-kittieba kollha tal-Malti. L-Akkademja tal-Malti hija msieħba fil-European Writers Council u kull tliet snin tieħu sehem fil-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea. L-Akkademja tal-Malti taħdem biex iġġib ’il quddiem il-qagħda tal-Malti bħala lsien nazzjonali fl-oqsma kollha tal-ħajja.