Il-Komunità Maltija tal-Illustraturi (MCOI) twaqqfet fl-2020 bil-għan li tlaqqa’ lill-illustraturi professjonali, tippromwovi l-użu u t-tagħlim tal-illustrazzjoni bħala mezz effettiv għall-komunikazzjoni f’Malta u biex tipproteġi d-drittijiet tal-illustraturi lokalment u internazzjonalment.
Il-komunità bdiet bħala grupp fuq Facebook, iżda malajr kibret għal mijiet ta’ membri. Dan kien il-bażi għal ‘Artna’, l-ewwel attività tal-MCOI li ssarrfet f’eżebizzjoni kollettiva online li tkellmet kontra l-qerda tal-ambjent f’Malta. Wara das-suċċess, l-MCOI issa qed tniedi annwal tal-illustrazzjonili li hu wkoll l-ewwel annwal tat-tip tiegħu f’Malta li jiffoka fuq illustrazzjonijiet Maltin, jew ibbażati Malta, u li qed ikun sponsorjat bi pjaċir mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Wara t-tnedija jkun hemm diskussjoni dwar ix-xogħol li jsir minn wara l-kwinti biex jinħoloq kontenut illustrattiv. Steven Scicluna, Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna se jgħidulna dwar il-proċess tal-ħolqien tal-illustrazzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u Marietta Mifsud se turina kif ħolqot waħda mill-illustrazzjonijiet tagħha mill-bidu sal-aħħar.