Ingħaqad mal-illustratur tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 –  Ed Dingli –  għal workshop immirat għal parteċipanti minn 14-il sena ’l fuq dwar kif tittrasforma tema f’illustrazzjoni. L-udjenza se tkun mistiedna tħażżeż ma’ Ed biex tipprattika dak li tkun għadha kif semgħet rigward ideat, mapep mentali u kliem muftieħ. Dan il-workshop qed isir f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Trid tirreġistra għal dan l-avveniment, li huwa b’xejn. Irreġistra hawn taħt.

Ed illustratur u disinjatur minn Malta. L-illustrazzjonijiet tiegħu jirriflettu dak li jiġri madwaru fid-dinja b’viżwal vibranti li jmiss, iwieżen u jispira lil min jarahom. L-istil tiegħu jinbidel kulma jmur, u dejjem ifittex li jesperimenta bil-forma u t-teknika. Ed għex u ħadem Londra, u bħalissa jgħix il-Portugal fejn qed iqatta’ ħinu fin-natura u jesplora b’mod kreattiv x’kapaċi jagħmel. Ix-xogħol tiegħu bl-akriliku u ż-żejt deher ħdejn dak tal-artist Patarra waqt l-esebizzjoni ‘Ngħaddu ż-Żmien’ tas-Soċjetà Maltija tal-Arti.