L-inkjesta filosofika għandha x’taqsam mat-teknoloġija, kemm dik sempliċi tal-kitba u anki dik kumplessa b’teknoloġiji ġodda. Lilhinn mill-marketing leqqieni u għammiexi, il-ħsieb kritiku uman jibqa’ neċessarju biex nagħmlu sens mill-informazzjoni, it-teknoloġija, u kunċetti bħal ‘intelliġenza’. L-interazzjoni umana mat-teknoloġija, minn apps varji sal-midja soċjali, il-klassijiet interattivi u r-robots, se jkunu fiċ-ċentru tal-konverżazzjoni ma’ Enrico Panai (l-Università ta’ Sassari), li huwa speċjalist fl-interazzjoni umana mat-teknoloġija u l-awtur ta’ Skip! The Art of Avoiding Projects. Panai se jkun qed jitkellem ma’ Francois Zammit. 

Dr Enrico Panai speċjalista fil-Filosofija u l-Etika tal-Informazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali, u konsulent lil kumpaniji kbar fis-settur tal-IT. Fil-pubblikazzjoni tiegħu ‘Skip!’ jibni qafas ekoloġiku innovattiv sabiex ma jsirux jew jinqabżu ċerti proġetti. L-eżempji u l-ġustifikazzjonijiet iġibhom minn skoperti xjentifiċi u l-ħajja ta’ kuljum.

Jean-Paul De Lucca huwa Lettur Anzjan fid-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta. L-oqsma tal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu jinkludu l-filosofija u l-istorja tal-ideat taż-żmien modern bikri, il-filosofija politika u l-filosofija tal-liġi.

Francois Zammit jaħdem fis-settur edukattiv u bħalissa qed jagħmel dottorat mad-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tiegħu tħares lejn is-sħubija bejn l-etiku u l-politiku fl-istrutturi tal-istituzzjonijiet ekonomiċi u politiċi. Barra minn hekk, ħadem fuq il-fehim bejn it-teknoloġija u l-umanità, u fuq id-definizzjoni mill-ġdid ta’ dak li hu uman.

Did-diskussjoni hi organizzata mid-Dipartiment tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta bil-għajnuna tas-Soċjetà tal-Istudenti tal-Filosofija (SPS), u se tkun bl-Ingliż.