Meta jiġi ppubblikat ktieb, il-mertu ġeneralment imur għall-kittieb u l-qarrejja qajla jaħsbu fil-proċess wara dak il-ktieb: mill-fażi tal-kitba għall-editjar, il-qari tal-provi u l-pubblikazzjoni. F’din id-diskussjoni, beħsiebna nistiednu lil xi pubblikaturi Maltin sabiex jixħtu aktar dawl fuq l-irwol tagħhom, fuq l-industrija tal-pubblikazzjoni lokalment, x’jinbiegħ u x’ma jinbiegħx u xi jrid iżomm f’moħħu pubblikatur meta jagħżel manuskritt, kif ukoll dwar kif il-pandemija affettwat l-industrija.
L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet minn żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, fis-26 ta’ Jannar 1931. Fl-istess sena bdew joħorġu Leħen il-Malti, rivista li għadha toħroġ sal-lum, u titnieda kull sena fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Matul is-snin, l-Għaqda tmexxiet minn personaġġi prominenti fil-Malti bħall-Professuri Pietru Pawl Saydon, Ġużè Aquilina, Dun Karm Sant u Oliver Friggieri. F’dawn l-aħħar snin l-Għaqda fittxet li tinvesti aktar fi proġetti edukattivi u interdixxiplinarji, speċjalment għaż-żgħażagħ.