Bis-saħħa ta’ doża qawwija ta’ umoriżmu, eċitament u sorpriżi, Eran Katz, il-famuż kittieb u għalliem Iżraeljan tal-ħiliet tal-moħħ, se jirrivelalkom tekniki straordinarji biex issaħħu l-qawwa tal-memorja.

Ibqa’ ftakar l-ismijiet u l-uċuh billi tuża l-metodu ta’ Napuljun, ta’ John F. Kennedy u s-sistema biblika ta’ wiċċ l-Anġlu. Ibqa’ ftakar dati, avvenimenti u numri twal bis-saħħa tas-sistema ta’ Ġematrija. Ibqa’ ftakar x’għandek tagħmel, listi u ċajt bis-sistema ‘Modena files’. Tgħallem malajr ilsien ġdid billi ssir taf dwar il-Yiddibrish – strateġija li għenet lil-Lhud jikkomunikaw effettivament f’kull imkien fid-dinja. Tejjeb il-memorja bis-sistema tal-kmamar Rumani, il-Manuvra Hugo, l-Effett Brita u tekniki oħra.

U fuq kollox…kun xhud ta’ taħbiliet tal-moħħ stupendi!

Wara x-xow l-istudenti se jkunu mistiedna jsegwu intervista mal-awtur u performer innifsu, Eran Katz, li ssirlu minn Coryse Borg.

Katz magħruf l-aktar bħala kittieb li kiser rekords ta’ bejgħ, kelliem u mexxej ta’ seminars dwar il-memorja u l-intelliġenza. Ta lekċers u mexxa seminars lil mijiet ta’ kumpaniji multinazzjonali u organizzazzjonijiet dinjija, fosthom lill-IBM, Oracle, Microsoft, Google, Samsung, il-Gvern Singaporjan u aktar.

Katz huwa l-awtur ta’ Secrets of a Super Memory, Jerome Becomes a Genius u Five Gifts for the Mind li wħud minnhom inqalbu fi 17-il ilsien u rebħu premji letterarji.

Dax-xow huwa bl-Ingliż u tajjeb għal tfal ta’ 8 snin u aktar.