Din l-istorja toħodna lura fi żmien il-Kavallieri fejn niltaqgħu mal-kavallier Jean de Villers, l-akbar ħabib tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Jean kien ingħata kariga importanti immens, dik li jieħu ħsieb il-provista tal-ilma tal-Gżejjer Maltin. B’hekk naraw lil Jean jinvestiga l-bjar, il-ġwiebi, l-ispieri u l-mini minħabba n-nuqqas t’ilma. Infatti l-Gran Mastru, bl-għajnuna ta’ Jean, mexa fuq ir-rapport tal-inġinier Padre Tomasucci li rrakkomanda li jinbnew l-akkwadotti, proġett fejn l-ilma ta’ kwalità għolja jinżel mir-Rabat u Ħad-Dingli u jasal fil-funtana barra l-Belt Valletta. B’hekk Jean żdiedlu x-xogħol peress li ta’ sikwit kien jiċċekkja x-xogħlijiet fuq dan il-proġett importantissimu għall-Gżejjer Maltin.