Il-poeta Victor Fenech, kontemporanju ta’ Doreen Micallef (1949-2001) fi ħdan il-Moviment Qawmien Letterarju, jinnota li fis-sittinijiet Doreen nibtet f’daqqa, bħallikieku minn imkien, kittieba solitarja ta’ qawwa kbira b’poeżiji xhieda ta’ ħajja sofferta.
Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef huwa l-iktar konkors prestiġjuż ta’ poeżija waħda bil-Malti, imwaqqaf bil-għan li jaċċentwa l-attività poetika f’Malta, u msemmi f’ġieħ Doreen Micallef biex b’hekk jiċċelebra wieħed mill-aktar vuċijiet distinti tal-ġenerazzjoni tagħha, vuċi intima, konfessjonali u femminili. Ta’ kull sena l-konkors jiġi ġġudikat minn ġurija indipendenti maħtura mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Ingħaqdu magħna għat-tħabbira tar-rebbieħa, u għal qari mill-poeti rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef ta’ din is-sena