Bis-saħħa ta’ dawn ix-xows imtellgħin apposta għat-tfal tal-iskola nassigurawkom vjaġġ mill-isbaħ fid-dinja msaħħra ħolqien tal-aħjar awturi f’Malta ta’ kotba għat-tfal!

Tim professjonali ta’ atturi mmexxi mill-kariżmatika Antonella Axisa se jieħu ħsieb jipproduċi performance teatrali spettakolari bbażata fuq ix-xogħlijiet rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2020 li se tixxandar dirett f’kull klassi f’Malta u Għawdex. Għalissa l-isem tax-xow se nħalluh sigriet…biss biss il-kotba rebbieħa jitħabbru l-ġurnata ta’ qabel!

Wara x-xow, l-istudenti huma mistiedna jsegwu intervista mal-awtur u l-atturi.

Il-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se joffri opportunità għall-istudenti biex isaħħu l-ħiliet varji tal-qari, iħeġġeġ aktar qari u jistimula l-kunfidenza tagħhom mal-kotba Maltin. Qed nistinkaw sabiex il-Festival iservi ta’ inċentiv biex tinħoloq diskussjoni fil-klassi dwar il-qari u l-kotba, isiru sessjonijiet dwar l-esperjenza ta’ tqallib tal-kotba b’mod virtwali u biex ikun gwida għall-aħjar kotba tat-tfal ippubblikati lokalment.

Imbagħad Ix-xow ibbażat fuq kotba tat-tfal, did-darba għal dawk bejn it-8 u t-12-il sena, jixxandar il-Ħamis 12 ta’ Novembru fid-9.30am. Għal dawk l-iskejjel li jagħżlu xow bl-Ingliż, għandna ppreparat xow mingħand il-kittieb Iżraeljan Eran Katz li kiteb kotba dwar il-ħiliet speċjali tal-moħħ u li bihom kiser rekords tal-bejgħ. Dax-xow jittella’ l-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fid-9.30am.