Waqt iċ-ċerimonja li ttellgħet fl-MFCC, bħala parti mill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022, il-preżentatriċi Mariele Żammit ħabbret ir-rebbieħa ta-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef ta’ din is-sena.

Din is-sena, tressqu 80 poeżija minn poeti diversi għal dan il-konkors, tkabbir konsiderevoli mill-50 poeżija li tressqu s-sena l-oħra, xhieda tal-prestiġju dejjem jikber ta’ dan il-konkors. Il-ġurija komposta minn Profs Rena Balzan, Profs Norbert Bugeja u Glen Calleja, għażlu l-poeżija “Fuq l-Aġenda tal-Għajn ta’ Doreen” ta’ Therese Pace bħala l-poeżija rebbieħa, denja ta’ premju ta’ €1,000.

Pace hija poeta bilingwi li ppubblikat diversi ġabriet, fosthom Arpeġġi li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2004. Xogħolha deher ukoll f’għadd ta’ antoloġiji Maltin u barranin u dan il-premju f’konkors letterarju mhuwiex l-ewwel wieħed għaliha. Ippubblikat ukoll diversi kotba għat-tfal bħal Naqraw u Nirrimaw. L-evalwaturi ddeskrivew il-poeżija rebbieħa tagħha bħala waħda b’għażla qawwija u konsistenti ta’ kliem li tagħti identità partikolari lill-poeżija.

Il-poeżija “Mużew tal-Istorja Naturali, l-Imdina” wasslet lil Jasmine Bajada għat-tieni post, waqt li l-poeżija “Kamra Żgħira, Xi Mkien” irregalat lil Miriam Calleja, it-tielet post.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, irrimarka li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li s-sejħa tiegħu fl-istess ċerimonja tas-sena l-oħra nstemgħet u li l-konkors kiber daqstant. Camilleri feraħ lir-rebbieħa u lill-parteċipanti kollha għax huwa huma li qed jagħmlu l-konkors prestiġjuż.

Dan il-konkors jittella’ kull sena u jinfetaħ għal kulħadd. Il-poeżija mressqa trid tkun oriġinali, bil-Malti,mhux ippubblikata u mhux itwal minn 36 vers u titressaq b’mod anonimu permezz ta’ psewdonimu, li ssarraf l-evalwazzjoni f’waħda anonima.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-poeti kollha li ressqu l-poeżija tagħhom u lill-membri tal-ġurija għall-evalwazzjoni tagħhom. L-edizzjoni li jmiss ta’ dan il-konkors tiftaħ f’Ġunju 2023. Waqt iċ-ċerimonja tħabbret ukoll kollaborazzjoni mar-rivista influwenti Modern Poetry in Translation li se tiddedika waħda mill-ħarġiet tas-sena d-dieħla għall-poeżija Maltija tradotta bl-Ingliż, u li għaliha se tinħareġ sejħa.

Ir-riżultati kollha jinsabu hawnhekk.


Share Article