Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar il-programm kulturali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2023, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 22 u l-Ġimgħa 24 ta’ Marzu fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta.

Il-programm għal dan it-tieni l-akbar festival tal-kotba f’Malta ġeneralment ikun ikkurat għall-istudenti li jattendu xi istituzzjoni edukattiva terzjarja f’Malta, madanakollu l-għadd ta’ attivitajiet organizzati huma ta’ interess għall-pubbliku ġenerali wkoll. Fost l-oħrajn wieħed jinnota diskussjonijet tematiċi, klabb tal-kotba, intervisti ma’ kittieba u riċerkaturi lokali u internazzjonali, diskussjonijiet dwar il-letteratura, temi kurrenti fil-qasam tal-pubblikazzjoni, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba u apprezzamenti ta’ figuri ċentrali Maltin.

Ċelebrazzjoni tar-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tieqa fuq kittieba ġodda

Il-programm tal-attivitajiet ilaqqa’ lill-pubbliku ma’ kittieba stabbiliti rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li huwa l-ogħla premju letterarju fil-pajjiż. L-Erbgħa se jkun hemm intervista mad-drammaturgu Alfred Buttigieg dwar il-produzzjoni L-Interrogazzjoni, li l-ktieb ippubblikat bit-test tagħha rebaħ il-kategorija tad-drama s-sena l-oħra. X’kienet il-mogħdija li wasslet lid-drammaturgu s’hawn u kemm hi ċentrali t-trasgressività fix-xogħol tiegħu se jkunu wħud mill-mistoqsijiet li Buttigieg se jkun interrogat dwarhom. Il-Ħamis imbagħad imiss lil Tyrone Grima, rebbieħ tal-aktar kategorija li tkun mistennija, jiġifieri r-rumanzi. Fi Frammenti għandna dinja distopika li fiha kulħadd sparixxa… karozzi, nies annimali. Però l-mużika għandha post f’dar-rumanz, u f’did-diskussjoni nitkellmu mal-awtur dwar dan.

Is-sena l-oħra Ede Books nedew sensiela ta’ chapbooks – forma ġdida fis-suq lokali li tlaqqa’ l-artiġjanant mal-kitba. Flimkien ma’ Antoine Cassar, il-pubblikatur Zvezdan Reljić se jitkellem dwar l-għamla taċ-chapbook u kif inhu differenti minn ktieb.

L-arti, iċ-ChatGPT u xogħol letterarju kreattiv bil-Malti

F’did-diskussjoni l-Ġimgħa se jiltaqgħu professjonisti differenti sabiex jitkellmu dwar din it-tema kurrenti u kif taffettwahom f’xogħolhom, imma anki dwar il-bidla fil-mentalità li tirrikjedi. Se jiġi diskuss ukoll il-valur tal-element uman fl-arti, il-kreattività u t-tagħlim.

Għal darb’oħra l-KNK qed jaħdem mal-Kunsill Malti għall-Arti, li għal din l-edizzjoni qed jorganizzaw attività kuljum fosthom workshop ta’ illustrazzjoni; diskussjoni fuq kif il-kotba jistgħu jitwasslu lil udjenza diversa, mit-traduzzjoni għall-braille, minn illustrazzjonijiet għal awdjo; u diskussjoni oħra fuq kif il-ktieb jista’ jintuża u jiġi approprjat fost dixxiplini artistiċi differenti bħall-arti viżivi u performattivi.

Fl-aħħar snin il-KNK flimkien ma’ Aġenzija Żgħażagħ ħadem sabiex tiġi xprunata l-kwalità fil-kitba għaż-żgħażagħ, ġeneru li aktar iva milli le ma tingħatax l-attenzjoni li ħaqqha. Bħala kontinwità mal-ftuħ tal-edizzjoni tal-2023 tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ f’Jannar li għadda, se jittella’ workshop immexxi minn Leanne Ellul dwar dan il-ġeneru, u kif tgħid id-deskrizzjoni, kitba għaż-żgħażagħ hi wkoll kitba għal kulħadd. Ellul innifisha rebħet dan il-premju lura fl-2014 f’dak li jista’ jitqies bħala ż-żerniq tal-karriera letterarja tagħha.

Nagħlqu bit-tajjeb – ejja u uri x’taf

L-aħħar jum tal-Festival jerġa’ jżomm l-appuntament mal-Palk Ħieles organizzat b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed. Dan l-ispazju sar pjattaforma importanti għal kittieba, poeti, mużiċisti jew atturi, minn ġodda sa stabbiliti, li jixtiequ jaqsmu l-arti tagħhom mal-pubbliku.

Qabel il-Palk Ħieles, se jkun hemm ukoll qari ta’ testi inediti li jixħtu dawl fuq ir-realtajiet tal-persuni LGBTIQ f’Għawdex. Tista’ tieħu ċ-ċans u tibbukkja kopja hawnhekk mingħand il-grupp LGBTI+ Gozo.

Dis-sena l-programm tal-attivitajiet qed isir b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti, id-Dipartiment tal-Ingliż u d-Dipartiment tal-Intelliġenża Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, l-Għaqda tal-Malti – Università, il-Kunsill Malti għall-Arti, Teatru Malta, Ede Books u Kixott, THINK Magazine, LGBTI+ Gozo u Inizjamed.

Niżżel il-programm minn hawn.

Għal aktar dettalji żuru www.ktieb.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook tal-KNK. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Erbgħa u l-Ħamis bejn id-9am u l-4pm, u l-Ġimgħa bejn id-9am u s-7pm.


Share Article