Il-kartunista-ġurnalist Joe Sacco se jkun f’Malta f’Novembru bħala mistieden tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022.

Sacco huwa wieħed mill-aqwa kartunisiti tad-dinja, u meqjus minn ħafna bħala kreatur ta’ ġurnaliżmu li jirrapporta l-gwerra permezz tal-komiks. Sacco twieled Malta fl-1960, trabba fl-Awstralja, u llum jgħix fl-Istati Uniti. Fl-1981, iggradwa b’lawrja fil-ġurnaliżmu mill-Università ta’ Oregon. Wara, żar diversi żoni fi kriżi jew gwerra madwar id-dinja kollha u sarraf ir-riċerka tiegħu f’ġurnaliżmu grafiku.

Sacco huwa l-aktar magħruf għar-rumanzi grafiċi ġurnalistiċi tiegħu li ntlaqgħu tajjeb mill-kritiċi, bħal Palestine (1996), li rebaħ il-Premju tal-Ktieb Amerikan tal-istess sena, Footnotes in Gaza (2009) u Safe Area: Goražde (2000) li rebaħ il-Premju Einser u tqies bħala ktieb notevoli minn New York Times. Ir-rivista Time għażlu wkoll bħala l-aqwa ktieb tal-komiks ta’ dik is-sena. Ippreżenta wkoll stejjer minn Malta li jittrattaw il-memorji ta’ ommu tat-Tieni Gwerra Dinjija, u l-immigrazzjoni fil-ġabriet Notes from a Defeatist (2003) u Journalism (2018). Il-pubblikazzjoni l-aktar riċenti tiegħu, Paying the Land (2020), tesplora l-impatt tal-estrazzjoni tar-riżorsi fuq il-komunitajiet indiġeni Dene tal-Amerika ta’ Fuq. Il-kotba ta’ Sacco ġew tradotti f’erbatax-il lingwa, u l-komiks tiegħu dehru fuq Details, The New York Times Magazine, Time, Harper’s u The Guardian, fost oħrajn.

Waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, nhar il-Ħamis, 24 ta’ Novembru fis-7pm, Joe Sacco se jiġi intervistat minn James Debono, il-ġurnalista ewlieni tal-Malta Today fuq l-ambjent u l-kwistjonijiet ta’ ppjanar u l-użu tal-art.

Nhar is-Sibt, 26 ta’ Novembru fis-6pm, Sacco se jkun fuq il-panel għad-diskussjoni, ‘What’s an image worth: Forms of visual storytelling’. Id-diskussjoni se tkun immoderata mill-eks editur kulturali u kritiku tal-films, Teodor Reljić. Matulha, se jiġi esplorat kif il-ġurnalisti u l-prattikanti kreattivi għażlu li jpoġġu fuq quddiem nett l-immaġni fil-proċess tar-rakkuntar tal-istejjer. Il-fotografa u ġurnalista Joanna Demarco, u l-illustratur u direttur kreattiv, rebbieħ ta’ diversi premji, Gattaldo, se jingħaqdu ma’ Sacco fuq il-panel.

Il-programm sħiħ għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (23 – 27 ta’ Novembru) se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Għall-aħħar aġġornamenti segwi ktieb.org.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. 


Share Article