Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-aktar ċelebrazzjoni tal-ktieb prominenti u prestiġġjuża tas-sena, se jiftaħ għall-pubbliku nhar l-Erbgħa 7 ta’ Novembru bil-konferenza ‘Il-Letteratura fid-Dijaspora’, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Il-konferenza se tlaqqa’ flimkien 4 kittieba li lkoll esperjenzaw l-ispostament ġeografiku bil-mod uniku tagħhom: Lou Drofenik (Malta), Nikola Petković (il-Kroazja), Vera Duarte (Capo Verde) u Philip Ò Ceallaigh (l-Irlanda), u se tkun immexxija minn Teodor Reljić (is-Serbja/Malta). Se jiġi ddedikat ħin biex kull wieħed jgħid kif irrisponda għad-dijaspora letterarja u dwar kif il-kuntesti soċjali u politiċi għaġnulu il-mod kif iħares lejn dijaspori letterarji oħra l-aktar relevanti għas-sitwazzjoni tiegħu.

Ir-realtajiet diskussi se jintrabtu b’fil wieħed: ir-rifless fil-letteratura. Madankollu se jkun hemm spazju biżżejjed biex jiġu diskussi l-elementi l-aktar intimi u psikoloġiċi li ssibhom kullimkien f’letteratura tad-dijaspora. Il-mistoqsija li se titpoġġa fiċ-ċentru ta’ din il-konferenza se ddur madwar il-pretensjoni tal-letteratura fid-dijaspora fuq l-ambiwgità intellettwali, estetika u politika. Din id-diskussjoni għandha l-għan li sservi ta’ bilanċ għal oħrajn li huma aktar urġenti politikament, fosthom l-hekk imsejħa “kriżi tal-migrazzjoni”.

Se jkun hemm tentattiv biet tiġi esplorata r-relazzjoni korrelattiva bejn ix-xewqa u l-istennija fil-qafas ta’ letteratura fid-dijaspora, imbagħad kif din is-sitwazzjoni tinkoropra fiha l-laqgħa mal-Ieħor. Jiġu diskussi wkoll modi kif il-kittieb jipproteġi lilu nnifsu milli jeżotiċizza żżejjed lill-Ieħor fuq in-naħa l-oħra, u anki l-qafas barrani li dawn il-kittieba issa tpoġġew fih, iridu jew ma jridux.

Aktar milli xi definizzjoni waħda ta’ xi tfisser id-dijaspora, jew xi lista ta’ kwalitajiet tagħha fil-letteratura tal-parteċipanti, l-għan tal-konferenza hu li jkun hemm diskussjoni aktar miftuħa dwar kif id-dijaspora għadha tibqa’ traġitt letterarju li jħalli l-frott għal kittieba madwar id-dinja kollha.

Xogħol Lou Drofenik hu msejjes fuq riċerka storika estensiva u jiffoka fuq l-esperjenza migrattiva, speċifikament dik Maltija-Awstraljana. Lou trabbiet Malta u issa tgħix f’Victoria, l-Awstralja. Rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għar-rumanzi fl-2017 b’The Confectioner’s Daughter (Horizons, 2016).

L-oqsma li fihom jispeċjalizza Nikola Petković huma l-identitajiet etniċi, nazzjonali, razzjali u tal-klassi; il-kulturi tal-Ewropa Ċentrali; u l-komunikazzjoni interkulturali. Nikola huwa kittieb, kritiku letterarju, traduttur, xeneġġjatur u skular Kroat. Kif jgħid Miloš Đurđević, “Fil-poeżija ta’ Petković insibu forom varji u aspetti tal-eżilju, fosthom l-eżilju personali u dak preventiv, kif ukoll l-impossibiltà li tabbanduna lilek innifsek stess.” (https://www.poetryinternationalweb.net/pi/site/poet/item/19294/17/Nikola-Petkovic)

Bħala membru tal-Akkademja Cape Verdjana tal-Ittri, Vera Duarte ilha involuta f’organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tan-nisa, il-kultura u d-drittijiet tal-bniedem. Ippubblikat għadd ta’ ġabriet ta’ poeżija, rumanzi, esejs u kronaka. L-aħħar rumanz ta’ Duarte, A Matriarca, hu rumanz polifoniku (li jippreżenta fl-istess ħin għadd ta’ vuċijiet u punti di vista fl-istess plot) dwar is-soċjetà dijasporika fil-Capo Verde (huwa fatt magħruf li hemm aktar Capo Verdjani jgħixu barra l-pajjiż milli fih). L-istorja ddur ma’ żewġ rakkonti ta’ mħabba, u fil-proċess tipprova tpinġi stampa tal-istorja tal-Capo Verde u l-Afrika.

Philip Ó Ceallaigh huwa kittieb u traduttur Irlandiż ibbażat fir-Rumanija. Jemmen li aktar milli jikteb dwar pajjiżi u postijiet, hu jinqeda bihom biex jikteb dwar affarijiet li jogħġbuh. Fi kliem ieħor l-aspett immaġinattiv hu aktar importanti għalih minn dak deskrittiv. Ippubblika aktar minn 40 novella, bosta minnhom miġbura Notes from a Turkish Whorehouse, li bih rebaħ il-Premju Rooney fil-Letteratura Irlandiża. Fost kotba oħra, qaleb For Two Thousand Years ta’ Mikhail Sebastian, ippubblikat minn Penguin Classics.

Il-konferenza ‘Il-Letteratura fid-Dijaspora’ se ssir l-Erbgħa 7 ta’ Novembru fis-7pm f’Activity Area Sala Sagra Infermerija, f’Dar il-Mediterran. Il-pubbliku mistieden jiltaqa’ ma’ Lou Drofenik, Nikola Petković, Vera Duarte u Philip Ò Ceallaigh flimkien ma’ Teodor Reljić fit-tentattiv li tinstab xejra komuni fid-dijaspori letterarji personali tagħhom bis-saħħa ta’ xogħolhom u ħajjithom. Fi tmiem id-diskussjoni jistgħu jsiru mistoqsijiet u kummenti mill-pubbliku.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2018 se jsir Dar il-Mediterran, il-Belt, mill-Erbgħa 7 ta’ Novembru sal-Ħadd 11 ta’ Novembru. Il-programm tal-avvenimenti kollha se jkun qed jitqassam f’kull dar f’Malta u Għawdex fil-ġimagħtejn li ġejjin.


Share Article