Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iniedi s-sejħa għas-sottomissjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li jinkludi l-Premju Terramaxka għat-tfal u ż-żgħażagħ (għall-kotba ppubblikati fl-2023). Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-aktar premju letterarju prestiġjuż assenjat lill-awturi, edituri, tradutturi, pubblikaturi u illustraturi għall-kotba ppubblikati f’Malta. Huwa meqjus ukoll bħala riga ta’ kwalità għall-pubblikazzjonijiet Maltin.

Kull ktieb ippubblikat fl-2023 u b’ISBN Malti jista’ jitressaq għal wieħed mill-erbatax-il kategorija tal-Premju, u se jiġi evalwat għall-eliġibbiltà minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti. Dan il-proċess għandu jwassal għall-pubblikazzjoni ta’ lista sħiħa, segwita minn oħra tal-lista finali f’Ġunju. F’din l-edizzjoni, l-aġġudikatturi se jingħataw perjodu ta’ aġġudikazzjoni itwal. Ir-rebbieħa se jitħabbru fiċ-ċerimonja uffiċjali li se tittella’ fl-20 ta’ Settembru.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb qed jilqa’ applikazzjonijiet fi tmien kategoriji ta’ kotba għall-adulti – ir-Rumanzi, in-Novelli, il-Poeżija, id-Drama, il-Letteratura mhux Fittizja, it-Traduzzjoni, ir-Riċerka, u r-Riċerka Storjografika; u sitt kategoriji għall-Premju Terramaxka – Kotba għat-tfal (etajiet 0-7); Kotba għat-tfal (etajiet 8-12); Letteratura għaż-Żgħażagħ. It-tliet kategoriji l-oħra jinvolvu xogħlijiet maqluba għall-Malti; Kotba maqlubin għall-Malti għall-etajiet 0-7, 8-12; u Letteratura għaż-Żgħażagħ maqluba għall-Malti. Il-kategoriji kollha huma miftuħa għal pubblikazzjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż, b’eċċezzjoni għal dawk tat-traduzzjonijiet li huma miftuħa biss għal dawk maqlubin għall-Malti. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jagħti wkoll premjijiet speċjali għall-Aqwa Produzzjoni tal-Ktieb, kemm għall-kotba għall-adulti kif ukoll għall-kotba għat-tfal u ż-żgħażagħ. Jingħataw ukoll il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, u l-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura.

Għal kull kategorija jista’ jingħata premju wieħed biss, u kull pubblikazzjoni taħt kull kategorija tiġi ppremjata jekk il-bord tal-aġġudikaturi jikkonferma li għandha mertu letterarju, kulturali jew akkademiku, waqt li tikseb minimu ta’ 90% tal-marki disponibbli. F’każ li f’xi kategorija partikolari dawn ma jintlaħqux, ma jingħatax il-premju.

Kull premju għal kull kategorija, inklużi dawk meqjusa bħala speċjali, huwa ta’ €4,000, għajr għal dawk fil-kategorija tat-traduzzjoni tal-Premju Terramaxka, li huwa ta’ €2,000. Pubblikaturi ta’ kotba rebbieħa jirċievu €1,000 oħra għal kull ktieb rebbieħ.

Ir-regolamenti, il-formola tal-applikazzjoni u l-kriterji huma disponibbli hawnhekk. Tista’ tagħżel li timla l-formola jew online, jew billi tniżżel id-dokument u tibagħtu fl-indirizz hawn taħt.

Mal-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu erba’ kopji fiżiċi tal-pubblikazzjoni mressqa għal kwalunkwe premju. Id-data ta’ skadenza hija d-29 ta’ Frar 2024 f’nofsinhar. Tressiq ta’ applikazzjonijiet lil hinn minn din id-data ma jiġux aċċettati.

Il-kotba jintlaqgħu fl-uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-09:00 sal-16:30. F’każ ta’ diffikultà tista’ tibgħat email lil Michael Mercieca fuq michael.mercieca@gov.mt

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Kumpless Bice Mizzi Vassallo
Triq Arnheim
Pembroke  PBK1776


Share Article