Prof. Rena Balzan kienet waħda mill-ewwel nisa Maltin li rnexxielhom f’karriera ta’ riċerka xjentifika, u matul dawn l-aħħar ħamsin sena kitbet ukoll rumanzi u kollezzjonijiet ta’ poeżija li għalihom ġiet rikonoxxuta bil-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura 2021. Ir-rumanzi psikoloġiċi ewlenin tagħha, ippubblikati matul it-tmeninijiet u d-disgħinijiet, huma magħrufa għall-introduzzjoni ta’ vuċijiet femminili kunfidenti fihom infushom u indipendenti li qabdu triq differenti mill-karattri femminili preċedenti u l-karatterizzazzjoni sterjotipata tagħhom. Balzan gradwat b’Baċellerat fil-Farmaċija fl-1968 mill-Università ta’ Malta, u l-karriera tagħha fir-riċerka bdiet bi studji speċjalizzati fil-Ġenetika fl-Università Statali ta’ Milan, l-Italja, segwita minn Dottorat fil-Bijoteknoloġija/Bijoloġija Molekulari minn Cranfield University fir-Renju Unit. Kienet għal diversi snin Professur Assoċjat fil-Ġenetika u l-Bijoloġija Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tal-Università ta’ Malta fejn, bħalissa, hija Konsulent Anzjan għar-Riċerka.

Rena Balzan twieldet is-Siġġiewi fl-1946 fejn trabbiet u attendiet l-iskola primarja. L-interess tagħha fil-letteratura u x-xjenza faqqsu minn ta’ età żgħira u, minkejja li ma kinitx għażla popolari għall-bniet adolexxenti dak iż-żmien, mill-iskola sekondarja kienet diġà taf li riedet tkompli tistudja x-xjenzi, bħall-fiżika, il-kimika u l-bijoloġija. Safrattant Balzan kienet ukoll bdiet tikteb xi versi ’l hemm u ’l hawn u tgħaddset fil-letteratura Vittorjana bil-qari ta’ bosta mir-rumanzi ta’ Charles Dickens, Thomas Hardy u Emily Bronte.

Fl-ewwel snin mit-twaqqif tiegħu fl-1967 Balzan kienet qrib tal-Moviment Qawmien Letterarju, u fl-istess żmien meta kienet fl-eqqel tal-istudji universitarji tagħha ppubblikat l-ewwel xogħol letterarju tagħha – ġabra ta’ poeżiji u rakkonti bil-Malti jisimha Ilwien Moħbija (Veritas Press, 1973). Il-poeżiji tagħha dehru wkoll fl-antoloġiji Turġien (Gulf Publishing Ltd, 1983) u Alfa (Union Print, 2000) u wħud minnhom inqalbu għall-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Ġermaniż.

 

Fid-deċennju ta’ wara Balzan ippubblikat tliet rumanzi, jiġifieri Fil-Firda l-Għażla (Gulf Publishing, 1981) li jittratta l-opaċità tal-imħabba żagħżugħa, Il-Ħolma Mibjugħa (Gulf Publishing, 1982), u aktar tard Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (PEG, l-1 ed. 1987, it-2 ed. 1998), studju psikoloġiku tal-protagonista femminili tagħha, Nada, hija u tiġġieled kontra restrizzjonijiet bla bżonn imposti mill-familja tagħha u tiskopri t-tip ta’ ħajja li trid u l-persuna li trid issir (Grima, 2010). B’dawn ir-rumanzi Balzan introduċiet firxa ta’ vuċijiet femminili moderni li jħaddnu perspettivi femministi, u kkontribwixxiet għal kapitlu ġdid u importanti fl-istorja tar-rumanz Malti (Briffa, 1998). Ir-raba’ rumanz tagħha, Fiż-Żifna ta’ l-Ibliet (Pubblikazzjonijiet Buġelli, 1995), huwa rumanz ta’ ċerta maturità li jesplora l-isfidi li jġibu magħhom bidliet fir-relazzjonijiet professjonali u personali fl-isfond ta’ bliet differenti. It-tleiet rumanz ta’ Balzan imsemmi hawn fuq ġie tradott għall-Ingliż minn Antoinette Pace bħala Bonds in the Mirror of Time (Faraxa, 2014) u ppubblikat f’Malta u fl-Istati Uniti.

Apprezzament kritiku, partikularment dak tar-rumanzi tagħha, għolla lil Balzan bħala esponenta ewlenija tal-letteratura femminista tat-tmeninijiet u d-disgħinijiet bis-saħħa tal-karattri kumplessi fix-xogħol tagħha u osservazzjoni reminixxenti tad-dispożizzjoni xjentifika tal-awtriċi. Huwa u jirrifletti fuq ir-relazzjoni bejn is-sensibbiltajiet letterarji u xjentifiċi tal-awtriċi, Peter Serracino Inglott jikteb, “Bejn il-persunaġġi u l-karattri fir-rumanzi tagħha, ir-relazzjonijiet  jintisġu qishom bejn l-elementi kimiċi li jiffurmaw  ċellula bijoloġika, imma biż-żieda ta’ fatturi misterjużi li jqawwu l-intensità tal-mistoqsijiet dwar ix-xorti u dwar ir-riżultati statistikament improbabbli li tqajjem il-mixja ta’ l-evoluzzjoni, anki qabel id-dehra tal-bniedem.” Oliver Friggieri jgħid li Balzan hija rumanziera li tirrakkonta skont sensibbiltà xjentifika, “L-estensjoni tax-xjenza fil-letteratura trodd ir-riżultat ta’ narrazzjoni li tanalizza, tfittex l-għaliex, toffri formula, tasal sa konklużjoni. Il-metodu xjentifiku jgħinha biex tiddeskrivi u tiddefinixxi karattru, u aktarx iżommha ’l bogħod fl-istess ħin mill-possibiltà li tħalli lir-rumanz jiżviluppa f’direzzjoni oħra, fost l-oħrjan fid-direzzjoni ta’ inċidenti sħaħ, awtonomi”.

Tul karriera distinta ta’ riċerka xjentifika Balzan ippubblikat numru ta’ xogħlijiet li ġew ippubblikati f’diversi ġurnali prestiġġjużi riveduti minn pari barra minn Malta, bħal Nature, Proceedings of the National Academy of Sciences USA, Frontiers in Oncology, Scientific Reports (Nature Publishing), Biochemical and Biophysical Research Communications u oħrajn. Bejn l-1997 u l-1998 kienet ukoll iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). Tul dawn l-aħħar deċennji Balzan kienet involuta f’għadd ta’ riċerki kkummissjonati mill-Programm għall-Iżvilupp Teknoloġiku tal-MCST dwar l-effetti anti-kankrużi li l-aspirina għandha fuq ċelloli tal-ħmira u l-mekkaniżmi wara dawn l-effetti. B’dir-riċerka Balzan temmen li għandha titwitta t-triq sabiex nifhmu aħjar kif l-aspirina tista’ tipprevjeni l-kanċer fil-bniedem u jissokta l-iżvilupp ta’ kura effettiva fil-prevenzjoni u t-terapija tal-kanċer (Farrugia, 2015).

Rena Balzan barra l-Għaqda tal-Kittieba f’Berlin tal-Lvant f’Settembru 1989. Mix-xellug: Achille Mizzi, Victor Fenech, Francis Ebejer, Rena Balzan u Lillian Sciberras.

Il-ħajja u x-xogħol ta’ Rena Balzan ikunu ċċelebrati waqt avveniment speċjali mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022. Waqt dan l-avveniment il-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ ma’ din l-awtriċi u riċerkatriċi distinta.

Biblijografija letterarja

  • Ilwien Moħbija. Veritas Press, Malta, 1973.
  • Fil-Firda l-Għażla. Gulf Publishing Ltd., Malta, 1981.
  • Il-Ħolma Mibjugħa. Gulf Publishing Ltd., Malta, 1982.
  • Turġien (anthology). Gulf Publishing Ltd., Malta, 1983.
  • Ilkoll ta’ Nisel Wieħed. Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd., Malta, l-ewwel edizzjoni, 1987; it-tieni edizzjoni, 1998.
  • Bonds in the Mirror of Time. FARAXA Publishing, Malta/USA, 2014.
  • Fiż-Żifna ta’ l-Ibliet. Buġelli Publications, Malta, 1995.
  • Alfa (anthology). Union Print Co. Ltd., Malta, 2000.
  • Il-Maltin Kontemporanji. Les Dauphins 2, iusEAed., Paris-Lecce, 1985.
  • Europa in Versi. La poesia femminile del ‘900 a cura di Luce d’Eramo e Gabriella Sobrino. Cooperative Editrice il Ventaglio, Roma, 1989.
  • Malet. Literatur aus Malta. Verlag Ute Schiller und Das Arabische Buch, Berlin, 1989.
  • Souffles No. 184. Publication Subventionnée par le Conseil Régional Languedoc-Roussillon, France, 1998.
  • Le Jardin d’Essai – Écritures contemporaines. No. 21/22, France, 2001.

 

Referenzi

  • Briffa, Charles. Il-Proża tal-Femminiżmu: Studju kritiku dwar ‘Ilkoll ta’ Nisel Wieħed’, Publishers Enterprises Group (PEG) Ltd., Malta, 1998.

 

 

  • Friggieri, Oliver., ‘Rena Balzan: Il-Kriżi skond Verżjoni Femminili’, daħla kritika għal Fiż-Żifna ta’ l-Ibliet, Pubblikazzjoni Bugelli, Malta, 1995, p. xv-xvi.

 

  • Grima, Adrian. ‘Cultivating complexity: Maltese/Australian women in Lou Drofenik’, Acta Scientiarum. Language and Culture, vol. 32, no. 1, 2010, pp. 83-96, Universidade Estadual de Maringá, Brasil.

 

  • Serracino Inglott, Peter., ed., Ilħna Mkissra, Pubblikazzjoni Bugelli, Malta, 1989, p.113.

 


Share Article