Wara sena ta’ negozjati intensi u konsultazzjonijiet fit-tul bejn l-imsieħba kollha, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, ir-rappreżentanti tal-pubblikaturi u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iffirmaw il-Kuntratt tal-Education Exception li se jkun qed jirregolarizza għall-ewwel darba l-ikkuppjar ta’ materjal ipprintjat (ir-reprografija) u l-użu diġitali tal-kotba Maltin fl-iskejjel pubbliċi.

Ir-regolarizzazzjoni u l-liċenzjar tal-kotba użati fis-sistema edukattiva huwa obbligu tal-Unjoni Ewropea (UE) li kull Stat Membru jrid isegwi, u li dan l-obbligu se jissaħħaħ ladarba d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali tidħol fis-seħħ fis-sajf tal-2021. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ilu jaħdem fuq qafas leġiżlattiv sabiex ikun assigurat li Malta, bħal Stati Membri oħra, timxi mal-liġi Ewropea u fl-istess ħin tassigura l-interessi u d-drittijiet tal-imsieħba tagħha, jiġifieri l-awturi, l-illustraturi u l-pubblikaturi. B’dal-ftehim il-pubblikaturi u l-awturi jirċievu sa massimu ta’ 100,000 allokati kull sena bir-rata ta’10% għall-użu reprografiku jew diġitali għal kull ktieb ippubblikat.

In-negozjati għall-Kuntratt tal-Education Exception saru mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li se jkun responsabbli għall-immaniġġjar tal-proċess biex jgħaddi l-fondi msemmija lill-Organizzazzjoni Maltija għad-Drittijiet Reprografiċi (Malta Reprographic Rights Organisation), biex imbagħad din tgħaddihom lill-pubblikaturi u lill-awturi li jkunu fl-iskema.

Dal-ftehim fl-aħħar se jirregola l-użu illegali u irregolari tar-reprografija u l-użu diġitali tal-kotba, li minnhom infushom jagħmlu ħsara lill-industrija tal-kotba, tali mod li jibbenefika kulħadd minnu fosthom l-għalliema u l-istudenti. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilqa’ bi pjaċir il-kunsens għal dat-traġitt kemm mill-Ministeru għall-Edukazzjoni li qatt qabel ma kien irregolarizza r-reprografija fl-iskejjel, u anki mill-industrija nnifisha li se tkun qed tieħu dak li jmissha mill-użu tal-kotba fl-iskejjel. Dan il-ftehim se jkun qed japplika għall-iskejjel pubbliċi kollha u anki għall-iskejjel tal-Knisja. Il-ftehim ma japplikax għall-iskejjel indipendenti u għall-Università ta’ Malta li huma obbligati legalment li jkollhom ftehimiet u arranġamenti mal-industrija tal-kotba.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana għax l-azzjoni u s-sapport ħabrieka tagħha għal dawn ir-riformi leġiżlattivi mressqa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb diġà kisbu r-rispett mill-imsieħba kollha tal-industrija. Fil-Ministru naraw persuna li kapaċi tieħu ħsieb din l-industrija u ħerqana naħdmu aktar magħha għall-ġid tal-imsieħba u l-pubbliku ġenerali. Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lis-Segretarju Permanenti Frank Fabri u d-Direttur tal-Finanzi tal-Ministeru Maria Galea li ħadu sehem fin-negozjati li wasslu għal dan il-ftehim tant importanti għar-rappreżentanti tal-industrija tal-kotba.


Share Article