F’dan l-episodju mis-sensiela Taħt il-Qoxra Rachelle Deguara tkellmet ma’ Antonio Zammit.

Mal-mistieden tkellimna dwar l-istil minimalista tiegħu fir-rumanzi li jikteb, l-imħabba kemm bħala parti importanti fil-plot u anki bħala tema, l-aspett ta’ investigazzjoni fin-narrattiva, sehem l-etika u d-deċiżjonijiet etiċi li jixrifu fir-rumanzi, u d-dedika fl-aħħar ktieb tiegħu lil Ramon Casha li kien wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Umanisti.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.

Antonio Zammit huwa kittieb Malti ta’ rumanzi qosra għall-adulti miktubin bl-Ingliż. Iggradwa mill-Università ta’ Malta fl-Istudji Umanistiċi u għal sittax-il sena ħadem mal-Pulizija fuq kwistjonijiet ċivili. Huwa l-awtur ta’ erba’ rumanzi qosra kollha bil-kelma ‘mħabba – love’ fit-titlu tagħhom, u ppubblikati bejn l-2014 u l-2019. L-ewwel rumanz tiegħu kien Love & Myths (2014), segwit minn Love is Evergreen (2015), Love has no color (2016), u dak l-aktar reċenti, Love is all knowing (2019).

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.


Share Article