Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali wasal fi tmiemu, u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kuntent bil-kummenti pożittivi li rċevejna għall-ewwel edizzjoni online li qatt saret ta’ festival tal-ktieb fuq livell nazzjonali. Tlaqna bit-tir li nipprovdu xorta waħda esperjenza minsuġa mill-kotba, il-letteratura u l-qari li tlaqqa’ komunit ta’ kittieba, pubblikaturi u qarrejja ma’ udjenzi ġodda u mhux.

Il-programm kien fih aktar minn sittin avveniment mifruxa fuq ħamest ijiem, fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma u diskussjonijiet, kif ukoll damma ta’ attivitajiet apposta għat-tfal. Dawn kollha xxandru mis-sit tal-KNK, il-paġna tal-Facebook tagħna, u Youtube. L-attivitajiet ġew irrikordjati jew ixxandru diretti kollha mis-Sagra Infermerija f’Dar il-Mediterran, u did-darba se jibqgħu maħżuna online, jiġifieri jekk tlift xi attività tista’ tmur lura u taraha.

Id f’id mal-pubblikaturi u l-imsieħba fl-industrija tal-kotba, il-KNK qies l-element online bħala opportunità biex niskopru modi ġodda kif nippromwovu l-qari u fl-istess ħin inżommu għaddej il-bejgħ tal-kotba. Il-kotba jistgħu jibqgħu jinxtraw online mingħand l-eżebituri tal-Festival, li kuntenti ngħidu li bis-saħħa tal-Festival fl-aħħar xhur tejbu s-servizzi online tagħhom. L-eżebituri ta’ din l-ewwel edizzjoni virtwali tal-Festival kienu: AVC (Merlin Library), BDL Books, Central Bank of Malta, Faraxa Publishing, Għaqda tal-Malti – Università, Heritage Malta Publishing, Horizons, Istituto Italiano di Cultura, Kite Group, Klabb Kotba Maltin / Midsea Books, Mellieħa Local Council, Merlin Publishers, Miller Distributors Ltd. (Agenda Bookshop), Miranda Publishers, Octavo, SKS, EDE Books.

Il-Festival tal-2020 laħaq kull klassi f’Malta u Għawdex bis-saħħa tal-produzzjonijiet teatrali bbażati fuq kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka, fosthom Mikelin ta’ Sandra Hili Vassallo u L-Istorja ta’ Seb it-Tieni (u ta’ Seb l-Ewwel ukoll) ta’ Leanne Ellul, kif ukoll ix-xows ta’ Danusan ibbażati fuq ħames kotba mill-passat rebbieħa tat-Terramaxka. Kien hemm ukoll xow bl-Ingliż ‘Secrets of Super Memory’ ta’ Eran Katz. It-tfal u l-adolexxenti setgħu jgawdu wkoll mill-bqija tal-programm li kien miżgħud attivitajiet għal kull età, u li ntwerew fil-klassijiet. Xi għalliema u ġenituri bagħtulna kummenti li qawwulna qalbna għall-futur.

Il-KNK jixtieq jirringrazzja lil kull parteċipant, intervistatur u intervistat fl-attivitajiet li organizzajna, fosthom lir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba, Dr Alfred Sant, u lill-mistedini speċjali Sir Salman Rushdie u Eran Katz. Tajjeb ngħidu li l-konverżazzjoni bejn Rushdie u Sant li ġiet immoderata minn Prof Clare E Vassallo u s-sessjoni MuT mmoderata minn Prof James Corby ikklikkjaw mal-20 elf darba fuqhom.

Il-gratitutdni tagħna tmur ukoll lejn l-imsieħba tal-Festival li afdaw fina minkejja l-isfida u l-problemi li setgħet toffri din l-esperjenza, li kienu għadhom mistħajla u qatt esperjenzjati minna. Nirringrazzjawhom talli fehmu li kellna naħdmu flimkien biex nirnexxu u naġevolaw ruħna għal dis-sitwazzjoni ġdida.

B’mod speċjali nirringrazzjaw lit-tim tekniku professjonali li stajna nserrħu fuqu biex l-intoppi kollha jinqabżu bla xkiel: lil tal-filmati; l-edituri ta’ Blend Malta u Malta Stream; id-Direttur Tekniku Andrew Zammit; it-tim tal-IT Webee; Lovin Malta għall-għajnuna fil-marketing; l-atturi Antonella Axisa u Mikhail Basmadjian; il-preżentaturi Daniel Chircop u Chrysander Agius u Coryse Borg; lid-diżinjatur grafiku Steven Scicluna; lill-animatur tal-films Matt Stroud; lill-illustraturi Moira Scicluna Zahra u Mark Scicluna.

Irnexxielna ntellgħu Festival kollu kemm hu online filwaqt li żammejna l-kwalità li l-pubbliku ġenerali issa jassoċja mal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u dan għallimna ħafna għall-edizzjonijiet li ġejjin. Aħna u nagħlqu din l-edizzjoni x-xogħol diġà beda fuq is-sena d-dieħla. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jibqa’ jħabrek biex iwassal l-aħjar esperjenza lill-pubbliku msejsa fuq il-kotba u l-qari. Ħerqana għad-dieħla.

It-tim tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb


Share Article