Għeżież kittieba u pubblikaturi,

Bħalma ħabbart fl-għeluq tas-sena l-oħra, jien nemmen li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu jħares l-interessi tal-imsieħba tiegħu fl-industrija tal-kotba li primarjament huma l-pubblikaturi, il-kittieba, u l-illustraturi flimkien mal-ħwienet tal-kotba u l-istampaturi. L-industrija tal-kotba hija l-aktar industrija kulturali importanti fil-pajjiż u għandha importanza nazzjonali. Għalhekk huwa importanti li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iservi ta’ appoġġ istituzzjonali lill-industrija tal-ktieb sabiex titkattar bil-bejgħ tal-kotba, in-numru ta’ kotba ppubblikati jikber, waqt li fl-istess ħin tkompli titjieb il-kwalità tal-materjal ippubblikat. Huwa ta’ importanza nazzjonali li s-soċjetà tkun litterata, edukata, intelliġenti, u kritika. Dan huwa s-servizz essenzjali tagħna li qed noffru lis-soċjetà bħala industrija.

Mindu nħtart Kap tal-KNK fl-2013, biddilt l-entità minn organizzazzjoni voluntarja, ta’ ftit nies u bla fondi, għal entità istituzzjonali professjonali b’baġit sostanzjali u li tgawdi l-appoġġ u r-rispett kemm f’Malta u f’ħafna pajjiżi barranin. Dawwart it-triq għan-niżla li kenet qabdet il-Fiera tal-Ktieb, u ttrasformajtha f’Festival li rreġistra rekord ta’ bejgħ sena wara sena. Introduċejt il-mekkaniżmi legali sabiex il-KNK jiġi stabbilit bil-liġi, introduċejt numru twil ta’ inizjattivi fosthom il-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (Public Lending Rights), l-esportazzjonijiet tal-kotba, il-films letterarji, festivals oħra, u fondi għall-pubblikazzjoni u t-traduzzjoni. Daħħalt il-pubblikaturi u l-kittieba fil-proċess tad-deċiżjonijiet tal-KNK u għaqqadt lill-imsieħba taħt prinċipji ekonomiċi komuni bi qbil unanimu fil-Kungress tal-Kittieba, u ħafna oħrajn. Assigurajt li l-KNK qatt ma jkollu ndħil politiku u li l-libertà tal-kelma tkun assigurata. Kont jien li ktibt r-riformi legali tal-libertajiet tal-kelma, u dan l-aħħar komplejt bir-r-riforma tad-drittijiet ekonomiċi tal-awtur (il-copyright) fuq il-prinċipji li qbilna fuqhom waqt il-Kungress. B’kunfidenza nista’ ngħid li grazzi għall-għajnuna ta’ ħafna nies, irnexxieli nibni istituzzjoni li verament isservi u tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-kotba. 

Jien nixtieq inservi tliet snin oħra u nkompli nwettaq il-mandat li għandna skont il-Kungress tal-Kittieba. Nixtieq ukoll nikkonkludi l-proġett li bdejt il-Belt fejn qed nirrestawraw palazz antik biex naqilbuh għal ċentru letterarju u ħanut tal-kotba li se jkun ta’ importanza kbira għall-industrija tagħna. Barra minn hekk nixtieq li nkunu nistgħu nerġgħu nużaw Sala Repubblika ta’ Dar il-Mediterran għall-Festival Nazzjonal tal-Ktieb, anke jekk ikollna nisfidaw lill-Gvern b’każijiet legali. Madankollu, u b’mod konsistenti, il-Gvern u s-superjuri tiegħi mhumiex neċessarjament jaqblu ma’ dan il-mandat. Jista’ jkun ukoll li hawn min jibża’ li l-kittieba u l-pubblikaturi jkollhom daqshekk saħħa fis-soċjetà ekonomika u ċivili tagħna.

B’hekk jien qed nitlob l-appoġġ kollu tagħkom biex tikkonfermawni bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Biex isir dan se titħabbar elezzjoni għal din il-pożizzjoni fejn minn hawn qed niddikjara li jien se nikkontesta. Il-pożizzjoni jista’ jikkontesta għaliha min irid, basta li jkun kittieb jew pubblikatur. Nemmen li l-kandidat rebbieħ għandu jkollu l-appoġġ unanimu tal-pubblikaturi u l-kittieba.

F’każ li jien niġi rikonfermat bħala Kap tal-KNK, il-Gvern se jkollu obbligu ikbar li jappoġġja lill-KNK billi jimplimenta l-mandat legali tiegħu skont il-Kungress tal-Kittieba. Jekk l-imsieħba ma jaqblux li jien nibqa’ fil-pożizzjoni tiegħi, se jkollhom id-dritt li jagħżlu lil xi ħadd ieħor minfloki.

Sabiex nikkonkludi, jien nemmen bis-sħiħ li l-entitajiet kulturali tal-Gvern ma jistgħux ikunu mmexxija mill-appuntati tal-Gvern. Iridu jkunu l-artisti u l-imsieħba fil-qasam kulturali li jiddeċiedu min hu l-aħjar biex imexxi l-entità li tindirizza s-settur tagħhom.

B’hekk, minn hawn, jien qed nitlob lill-kapijiet kollha tal-entitajiet kulturali tal-Gvern biex minnufih jieħdu l-eżempju tiegħi, jibnu l-istrutturi demokratiċi fl-entitajiet tagħhom, u jsejħu elezzjoni għall-pożizzjoni tagħhom.

 
Jien lest li nirringrazzja l-appoġġ tagħkom bi tliet snin oħra ta’ xogħol abbundanti għall-KNK. 

Id-dettalji tal-elezzjoni se jitħabbru lill-kittieba u l-pubblikaturi fil-jiem li ġejjin.

Grazzi ħafna,

Mark Camilleri

Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb


Share Article