Home / News / Elezzjoni għall-Kap tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – messaġġ minn Mark Camilleri back to news Elezzjoni għall-Kap tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – messaġġ minn Mark Camilleri News 14th April, 2021 Għeżież kittieba u pubblikaturi, Bħalma ħabbart fl-għeluq tas-sena l-oħra, jien nemmen li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għandu jħares l-interessi tal-imsieħba tiegħu fl-industrija tal-kotba li primarjament huma l-pubblikaturi, il-kittieba, u l-illustraturi flimkien mal-ħwienet tal-kotba u l-istampaturi. L-industrija tal-kotba hija l-aktar industrija kulturali importanti fil-pajjiż u għandha importanza nazzjonali. Għalhekk huwa importanti li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iservi ta’ appoġġ istituzzjonali lill-industrija tal-ktieb sabiex titkattar bil-bejgħ tal-kotba, in-numru ta’ kotba ppubblikati jikber, waqt li fl-istess ħin tkompli titjieb il-kwalità tal-materjal ippubblikat. Huwa ta’ importanza nazzjonali li s-soċjetà tkun litterata, edukata, intelliġenti, u kritika. Dan huwa s-servizz essenzjali tagħna li qed noffru lis-soċjetà bħala industrija. Mindu nħtart Kap tal-KNK fl-2013, biddilt l-entità minn organizzazzjoni voluntarja, ta’ ftit nies u bla fondi, għal entità istituzzjonali professjonali b’baġit sostanzjali u li tgawdi l-appoġġ u r-rispett kemm f’Malta u f’ħafna pajjiżi barranin. Dawwart it-triq għan-niżla li kenet qabdet il-Fiera tal-Ktieb, u ttrasformajtha f’Festival li rreġistra rekord ta’ bejgħ sena wara sena. Introduċejt il-mekkaniżmi legali sabiex il-KNK jiġi stabbilit bil-liġi, introduċejt numru twil ta’ inizjattivi fosthom il-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (Public Lending Rights), l-esportazzjonijiet tal-kotba, il-films letterarji, festivals oħra, u fondi għall-pubblikazzjoni u t-traduzzjoni. Daħħalt il-pubblikaturi u l-kittieba fil-proċess tad-deċiżjonijiet tal-KNK u għaqqadt lill-imsieħba taħt prinċipji ekonomiċi komuni bi qbil unanimu fil-Kungress tal-Kittieba, u ħafna oħrajn. Assigurajt li l-KNK qatt ma jkollu ndħil politiku u li l-libertà tal-kelma tkun assigurata. Kont jien li ktibt r-riformi legali tal-libertajiet tal-kelma, u dan l-aħħar komplejt bir-r-riforma tad-drittijiet ekonomiċi tal-awtur (il-copyright) fuq il-prinċipji li qbilna fuqhom waqt il-Kungress. B’kunfidenza nista’ ngħid li grazzi għall-għajnuna ta’ ħafna nies, irnexxieli nibni istituzzjoni li verament isservi u tirrappreżenta l-interessi tal-industrija tal-kotba. Jien nixtieq inservi tliet snin oħra u nkompli nwettaq il-mandat li għandna skont il-Kungress tal-Kittieba. Nixtieq ukoll nikkonkludi l-proġett li bdejt il-Belt fejn qed nirrestawraw palazz antik biex naqilbuh għal ċentru letterarju u ħanut tal-kotba li se jkun ta’ importanza kbira għall-industrija tagħna. Barra minn hekk nixtieq li nkunu nistgħu nerġgħu nużaw Sala Repubblika ta’ Dar il-Mediterran għall-Festival Nazzjonal tal-Ktieb, anke jekk ikollna nisfidaw lill-Gvern b’każijiet legali. Madankollu, u b’mod konsistenti, il-Gvern u s-superjuri tiegħi mhumiex neċessarjament jaqblu ma’ dan il-mandat. Jista’ jkun ukoll li hawn min jibża’ li l-kittieba u l-pubblikaturi jkollhom daqshekk saħħa fis-soċjetà ekonomika u ċivili tagħna. B’hekk jien qed nitlob l-appoġġ kollu tagħkom biex tikkonfermawni bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Biex isir dan se titħabbar elezzjoni għal din il-pożizzjoni fejn minn hawn qed niddikjara li jien se nikkontesta. Il-pożizzjoni jista’ jikkontesta għaliha min irid, basta li jkun kittieb jew pubblikatur. Nemmen li l-kandidat rebbieħ għandu jkollu l-appoġġ unanimu tal-pubblikaturi u l-kittieba. F’każ li jien niġi rikonfermat bħala Kap tal-KNK, il-Gvern se jkollu obbligu ikbar li jappoġġja lill-KNK billi jimplimenta l-mandat legali tiegħu skont il-Kungress tal-Kittieba. Jekk l-imsieħba ma jaqblux li jien nibqa’ fil-pożizzjoni tiegħi, se jkollhom id-dritt li jagħżlu lil xi ħadd ieħor minfloki. Sabiex nikkonkludi, jien nemmen bis-sħiħ li l-entitajiet kulturali tal-Gvern ma jistgħux ikunu mmexxija mill-appuntati tal-Gvern. Iridu jkunu l-artisti u l-imsieħba fil-qasam kulturali li jiddeċiedu min hu l-aħjar biex imexxi l-entità li tindirizza s-settur tagħhom. B’hekk, minn hawn, jien qed nitlob lill-kapijiet kollha tal-entitajiet kulturali tal-Gvern biex minnufih jieħdu l-eżempju tiegħi, jibnu l-istrutturi demokratiċi fl-entitajiet tagħhom, u jsejħu elezzjoni għall-pożizzjoni tagħhom. Jien lest li nirringrazzja l-appoġġ tagħkom bi tliet snin oħra ta’ xogħol abbundanti għall-KNK. Id-dettalji tal-elezzjoni se jitħabbru lill-kittieba u l-pubblikaturi fil-jiem li ġejjin. Grazzi ħafna, Mark Camilleri Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb SHARE POST Related Articles Malta Book Fund Goes Fully Online with an Increased Budget for 2025 Malta Book Fund 17th March, 2025 Read More The National Book Council has rebranded! News 5th March, 2025 Read More Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More The National Book Council at the 2025 London Book Fair News 25th February, 2025 Read More NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More National Book Prize 2025 – Applications Are Open National Book Prize 17th February, 2025 Read More NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More The NBC’s Annual Report For 2024 News 4th February, 2025 Read More Festivals, Funds And Initiatives In 2025: Key Dates Festivals 29th January, 2025 Read More Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More view all similar news
Malta Book Fund Goes Fully Online with an Increased Budget for 2025 Malta Book Fund 17th March, 2025 Read More
Call for Delegates: Malta Named Focus Country for the 2025 Mediterranea Publishing Fellowship Initiatives 28th February, 2025 Read More
NBC and Wikimedia Malta announce Wikimedians in Residence for National Book Prize Project News 20th February, 2025 Read More
NBC empowers local stakeholders at the London Book Fair 2025 Literary Exports 11th February, 2025 Read More
Join the NBC at the London Book Fair 2025: Guest Passes for NBC stakeholders from Malta Literary Exports 13th January, 2025 Read More