Inkomplu s-sensiela ta’ intervisti b’taħdita ma’ Trevor Żahra dwar il-ktieb tiegħu Vespri.

 

Trevor Żahra ilu fix-xena letterarja mill-1971 meta ppubblika l-ewwel ktieb tat-tfal tiegħu. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem huwa ppubblika regolarment, u sal-lum għandu aktar minn 130 pubblikazzjoni f’ismu. Ir-rumanz qasir tiegħu Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa ġie ppubblikat bl-Ingliż, il-Franċiż, ir-Russu u n-Norveġiż. Matul il-karriera twila tiegħu bħala kittieb Trevor ilu jirċievi numru kbir ta’ premjijiet għal-letteratura. L-aħħar ġabra ta’ stejjer qosra tiegħu, Vespri, ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016. Minbarra r-rumanzi adulti, novelli u letteratura tat-tfal, huwa wkoll ħadem b’mod estensiv fit-teatru.

 

 

 

M. Forsi ma setax kien hemm għażla aħjar għall-qoxra ta’ Vespri minn dettall minn kwadru ta’ Hieronymous Bosch. Joseph Leo Koemer, l-istoriku tal-arti, jara paradoss fix-xogħol ta’ Bosch – jinnota li l-kwadri, li meta tittawwalhom mill-viċin jidhru magħqudin u sħaħ fid-dettall, mill-bogħod jidhru bħal ħġieġa mfarrka f’miljun biċċa, miljun detall li jingħaqdu biss taħt l-għamla ta’ immaġni mfarrka. Fi kliem ieħor, jaraha bħala eżempju ta’ immaġni ikonoklastika, paradoss fiha nnifisha – ix-xbiha li tħassar lilha nnifisha. Vespri huwa magħmul minn novelli li jidhru li ħarġu minn ġeneri differenti, mill-mock fairytale ta’ Jack & Jill, għal stejjer ta’ fatati u spirti, fantażiji urbani u ħrejjef tradizzjonali bħal Il-Bhima u anke fantaxejnza. Hemm fil li jgħaqqadhom, bla dubbju. Il-fil qiegħed fil-lingwaġġ letterarju, fl-użu ta’ xbihat, fit-ton tal-vuċi li tirrakonta, fis-sens fin (u anke, kattiv) ta’ ironija, ibbilanċjat b’sensibilità għall-affarijiet delikati tal-ħajja. Iżda huwa xorta fil li, bħal kwadri ta’ Bosch, jidher li jgħaqqad id-dettallji bħal biċċiet ta’ ħġieġa maqsuma, mfarrka. Ma hemmx unità ta’ lok, ta’ ħin, ta’ spazju familjari, ta’ ambjent persistenti jew ta’ ġeneru letterarju. Hemm tentazzjoni li tara Vespri bħala xogħol ikonoklastiku anke minħabba l-ironija li huwa propju Trevor Żahra, ikona tal-letteratura Maltija, li qed ifarrak l-immaġni. Kemm taraha qawwija jew, kuntrarjament, kappriċċuża din it-tentazzjoni?

 

T. Interessanti ħafna din l-analiżi tiegħek.  Meta Pierre Portelli, l-artist tal-Pubblikazzjoni Merlin, ħareġ bl-idea li nużaw lil Hieronymous Bosch fil-qoxra ta’ Vespri, ħassejt bħal qisu déjà vu, bħallikieku Hieronymous Bosch kien il-ħin kollu ġo moħħi. Lili taffaxxinani l-imġiba “stramba” tal-bniedem:  l-irkejjen l-aktar oskuri tal-inkonxju tagħna, dawk l-irkejjen li nibqgħu tul għomorna kollu ntellgħu u nniżżlu nikxfuhomx jew le. U l-arti tipprova toqrob lejhom bl-għajnuna tal-metafora u tal-imagery … bil-mostri b’ras ta’ ħuta, bil-klieb libsin il-kurazza iċarrtu l-gerżuma ta’ vittma minxura mal-art, bil-fjuri ġganteski jieklu l-katavri, bin-nisa għarwenin imsallbin mal-kordi ta’ arpa … u l-perverżjoniiet l-oħra kollha li jidhru fil-“Ġnien tal-Pjaċiri Dinjija” ta’  Hieronymous Bosch.

Jintrigani wkoll il-mument meta żewġ temi li, mad-daqqa t’għajn ma jkollhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin, il-kittieb issibilhom il-fil tal-fużjoni, tal-għaqda, tal-integrazzjoni u f’daqqa waħda tintebaħ li dawn għandhom ruħ komuni, li bħal tempju mirdum tkun qed tistenna l-iskoperta.  U hawn jasal it-tifrik li semmejt inti u t-tbegħid mill-klassifikazzjoni u l-garżelli, u mill-isfrundar taż-żmien u l-ispazju.  Għalkemm jiena nħobb nikteb dwar l-imgħoddi … l-aktar dak marbut ma’ tfulitu, fl-istess nifs nipprova nagħtih tifsira universali, għax nemmen li essenzjalment, il-bniedem tal-għerien u dak tal-metropoli huwa l-istess. Wieħed kien jipprova jikkomunika bit-tpinġija fuq il-blat u l-ieħor permezz tal-facebook. Imma l-bżonn li jikkomunika baqa’ l-istess.

 

M. Ċerti novelli fil-ġabra hemm sens ta’ ħdura u kattiverja, ġeneralment assoċjat ma’ mibegħda, għira jew vendetta: Inviżibbli, Ittra liz-Ziju, Gazzetti…hemm ukoll għadd ta’ novelli li fihom jinħass ħafna s-sens ta’ diqa u ta’ telfa: Pjanu, L-Għarusa, The Journey. Emozzjonijiet negattivi jitħalltu ma’ mumenti ta’ dieqa, mumenti tad-daħk u s-sens tal-assurd. F’Vespri naraw spettru wiesgħa ta’ emozzjonijiet li ma jidherx f’xogħlijiet oħra tiegħek. X’ġara? Kien hemm forsi bidla fil-mod kif tħares lejn id-dinja jew fil-mod kif tħares lejn il-kitba u l-letteratura?

 

T. Fl-1989 tlift lil marti Stella meta kellha biss 38 sena.  Din kienet u tibqa’ l-akbar traġedja ta’ ħajti.  Għaddew kważi 28 sena u Stella għadha ħajja ġo fija.  Għadni ngħaddi minn mumenti tal-oħla ġenna meta niftakar fit-22 sena li qattajna flimkien bejn namur u żwieġ, u mument tal-eħrex uġigħ meta niftakar xi tlift.  Imbagħad seba’ snin wara, ħriġt il-ġabra ta’ novelli “Lubien” u din fetħitli paġna ġdida fil-karriera letterarja tiegħi. Lubien mimli bi tqanqil kontradittorju, b’uġigħ u rabja, rassenjazzjoni u umoriżmu. Iva, anki b’umoriżmu għax f’nofs l-eqqel uġigħ taf tasalli daħka sfiqa bħal qawsalla barra minn żmienha.  Wara Lubien, ippubblikajt Provenz, Sepja, Penumbra u Vespri … wieħed ikompli jibni fuq l-ieħor.  Jien ma nista’ qatt inkun l-analista tiegħi nnifsi, imma naħseb li kieku wieħed kellu jifli dawn il-ħames kotba b’mod kronoloġiku, x’aktarx isib propju l-fil li semmejt inti: l-assurd minsuġ mar-realiżmu, il-vendetta mal-maħfra u fuq kollox id-daħka id f’id mal-weġgħa

M. Ara din is-silta:

“Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ dik is-sena baqgħet tissemma mhux biss għall-isfrattu tal-Purċissjoni…mhux biss għal dak ir-raġel nofsu għarwien li xi wħud mill-ġirien lemħuh jaqbeż il-bjut u jinżel iggranfat mal-katusi tad-dranaġġ, imma għax għall-ewwel darba fl-istorja tar-raħal, mara daqs nitfa kienet tat xebgħa lil ċenturjun.
Jgħidu li Żaren ma baqax jieħu sehem fil-purċissjoni. Wara li rranġa t-tagħtina tal-elmu, il-libsa kien ħaffef ibigħha u ma riedx jaf aktar b’ċenturjuni. Iżda hemm min jgħid li xorta baqa’ jieħu sehem…jimxi dejjem wara r-Redentur b’wiċċu mgħammad u jġorr salib daqs dinja fuq dahru.”

Din meħuda mill-aħħar novella, Ċenturjun, bla dubju waħda min-novelli l-iktar impressjonanti f’ġabra ta’ novelli li tħalli l-qarrej bla nifs hekk kif tieħdu minn dinja għall-oħra, storja wara storja. Żgur li ħafna qarrejja ser jaqraw n-novella bħala rakkont femminist, antipatriarkali u ovvjament, għandhom kull dritt. Iżda għalik bħala kittieb, kemm huma importanti dawn it-temi jew kunsiderazzjonijiet?  

 

Wieħed mill-aktar punti interessanti fl-istudju tal-letteratura huwa l-mod kif kull moviment letterarju, jeskava saffi relevanti għall-qasam tiegħu, saffi li x’aktarx ma jkunux f’moħħ il-kittieb.  Ħa nagħti eżempju.  Il-produttur u saġġista Frank Rich, f’artiklu fin-New York Times tas-6 ta’ Diċembru 1992 josserva li fi Dracula ta’ Bram Stoker (kif inhu interpretat fil-film ċelebri ta’ Ford Coppola), hemm metafora tal-marda tal-AIDS, li tinfirex minn demm għal demm bħal gidma tal-vampir.  Ma naħsibx li Bram Stroker kellu dan ġo moħħu; bħalma x’aktarx lanqas ma kien ġo moħħ Shakespeare jew Caravaggio, dak kollu li nkiteb dwar ix-xogħlijiet monumentali tagħhom. Iżda dan ma jnaqqas xejn mir-relevanza ta’ dak li jeskavaw l-istudjużi.  Il-kittieb jinsaq mill-intwizzjoni tiegħu u jnaqqax xogħlu bl-għodod letterarji li jkun irfina maż-żmien.

Bla ma jiena den li naqfel il-qorq ta’ xi wieħed mill-artisti li semmejt, inħoss li jien ukoll, qatt ma nagħti kas ta’ movimenti letterarji, tal-korrettezza politika (l-aktar fantażma li nobgħod) jew ta’ aġenda favur jew kontra xi kwestjoni.  Minkejja li, bħal kull maħluq ieħor għandi s-simpatiji u l-antipatiji tiegħi, dawn nipprova ma nħallihomx joħduli r-riedni minn idejja u jiġrilhom bħaż-żwiemel ta’ Fatonte.

Jiena nikteb biss biex nipprova nifhem lil din ir-ruħ li ili ngħix magħha għal kważi sebgħin sena sħaħ u li għalija għadha misteru.


Share Article