Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed ifakkar il-kisbiet letterarji ta’ Rena Balzan, ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura tas-sena l-oħra, permezz ta’ film li nħadem esklussivament għal dan l-avveniment minn Nest Creative. Balzan kitbet kemm rumanzi psikoloġiċi kif ukoll ġabriet ta’ poeżija, u hija wkoll waħda mill-ewwel nisa Maltin li kellha karriera ta’ suċċess fir-riċerka xjentifika. Wara l-film, se jkun hemm diskussjoni bejn Rena Balzan u Charles Briffa, immoderata minn Kit Azzopardi.