Palk Ħieles jirritorna waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, din id-darba b’mod virtwali – tinsiex tirreġistra sabiex taqsam magħna kull tip ta’ poeżija, proża, kanzunetta jew stand-up.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kamus qiegħed għal darb’oħra qed jikkollabora ma’ Inizjamed sabiex naqsmu l-entużjażmu tagħhom lejn il-letteratura, billi noffru spazju għal kull min jixtieq jaqsam xi bċejjeċ letterarji mal-udjenza. Wieħed jista’ jaqra xi poeżija, storja, jagħmel xi stand up, ikanta kanzunetta oriġinali jew jesprimi dak li jaħseb jista’ jkun relevanti ma’ din l-udjenza. L-interventi jistgħu jkunu bi kwalunkwe djalett jew lingwa.

Kburin bil-preżenza tal-poeta u kittieb ta’ tifkiriet awtobijografiċi Mark Doty, il-mistieden speċjali tal-Festival. Doty kien l-ewwel Amerikan li rebaħ il-Premju T.S. Elliot, u rebaħ anki n-National Book Award fl-Amerka. Doty, li spiss tqabbel ma’ James Merrill, Walt Whitman u C.P. Cavafy, se jaqra biċċiet mill-poeżiji u l-memoirs tiegħu.

Miegħu jingħaqad il-kittieb lokali Teodor Reljic. Reljic, li twieled Belgrad (1985) imma trabba Malta (1992-), jikteb stejjer fittizji, jaħdem għal rasu fl-ikkuppjar ta’ testi u huwa kritiku tal-films. L-ewwel rumanz tiegħu, Two, kien ippubblikat minn Merlin Publishers. Kien ippubblikat ukoll minn Weird Fiction Review, Le Monde N’Est Pas Rond u Filmkrant. Studja l-Ingliż u ġab Maġisteru fih fl-2010 mill-Università ta’ Malta.

Inizjamed hija organizzazzjoni kulturali Mediterranja li twaqqfet fl-1998 bil-għan li tmexxi proġetti kulturali u artistiċi fuq livell lokali u internazzjonali. Inizjamed tfittex li ġġedded l-espressjoni artistika f’Malta fid-dawl ta’ għarfien aħjar tal-varjetà kulturali li teżisti f’pajjiżna, fir-reġjun tal-Mediterran u lilhinn. F’dan il-kuntest, “il-kultura” tirreferi ghall-iżvilupp artistiku u intellettwali u b’mod partikulari dawk l-affarijiet li jinsġu flimkien l-eżistenza tagħna u jgħinuna biex nagħtuha skop.