Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qiegħed iħabbar bi pjaċir id-dati għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021, li dis-sena se jseħħ bejn l-Erbgħa 3 u l-Ħadd 7 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali (MFCC). Fetħu wkoll l-applikazzjonijiet għall-esebituri li jridu jipparteċipaw f’din l-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni, bir-regolamenti u l-proviżjonijiet aġġornati, hija miftuħa għall-pubblikaturi lokali u internazzjonali kollha, distributuri tal-kotba, ħwienet tal-kotba, u aġenziji tal-kotba. Għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet pubbliċi li l-kamp tal-attività tagħhom jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ materjal letterarju jew il-promozzjoni tal-letteratura huma wkoll eliġibbli biex japplikaw.

Dawk kollha interessati jieħdu sehem huma mħeġġa biex japplikaw kmieni u jippreżentaw, flimkien mal-applikazzjoni tagħhom, lista dettaljata ta’ attivitajiet li jixtiequ jinkludu fil-programm kulturali tal-Festival. Ġentilment ninfurmaw li dawk l-applikazzjonijiet li jiddaħħlu kmieni jistgħu jingħataw preferenza fil-programm tal-attivitajiet. L-applikanti mistennija jaqraw bir-reqqa t-termini u l-kundizzjonijiet kollha qabel japplikaw. L-applikazzjoni tista’ timtela online mis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Novità għal din l-edizzjoni hija l-ispazju li se jingħata lil awturi awtoppubblikati sabiex fih jippromwovu u jbigħu l-kotba tagħhom. Bħas-sena l-oħra, dawk l-esebituri li japplikaw għall-Iskema ta’ Promozzjoni għall-Esebituri u jippromwovu l-Festival u l-attivitajiet tagħhom bir-riklamar u l-promozzjoni fl-istampa lokali jistgħu jitolbu li jingħataw lura l-flus li jkunu nefqu għall-istand. Il-miżati kollha tal-istands traħħsu mis-snin ta’ qabel sabiex jiġu megħjuna l-esebituri prospettivi.

Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir iċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali (MFCC). Id-deċiżjoni li nimxu lejn l-akbar spazju offrut f’Malta għall-konferenzi u l-esebizzjonijiet ittieħdet ukoll fid-dawl ta’ restrizzjonijiet li jistgħu jitpoġġew fuq l-attendenza pubblika dak iż-żmien. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni twieġeb fis-sħiħ l-isfidi loġistiċi li l-imsieħba tal-Festival u l-pubbliku kienu jqajmu sena wara sena. L-MFCC se joffri flessibiltà akbar fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment nazzjonali li kulma jmur jikber, kif ukoll jagħti serħan il-moħħ lill-esebituri u l-pubbliku rigward parkeġġ. B’aktar minn 8,000 metru kwadru ta’ spazju ġewwieni, l-istands se jikbru, il-kurituri se jitwessgħu, l-ispazji tal-attivitajiet se jsiru aktar spażjużi, u finalment se jkun hemm aċċessibiltà totali.

Filwaqt li l-preparazzjonijiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 qabdu r-ritmu ġmielhom, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jifhem li, jekk ikun hemm bżonn, jista’ jibdel il-pjanijiet sabiex il-Festival ikun isegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex is-saħħa pubblika tkun assigurata l-ewwel u qabel kollox. Żur is-sit tagħna jew il-paġna tal-Facebook għall-aħħar aġġornamenti.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar eliġibbiltà biex tipparteċipa bħala esebitur tiddejjaq xejn tkellem lil Matthew Borg ([email protected]eb.org.mt) jew lil Andrew Ricca ([email protected]).

L-applikazzjoni trid timtela online. Dawk li xorta waħda jridu jimlewha fuq karta jistgħu jagħmlu dan u jibagħtuha bil-posta fl-indirizz t’hawn taħt sa mhux aktar tard mit-Tnejn 9 ta’ Awwissu 2021 f’nofsinhar (12pm).

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Il-Librerija Pubblika Ċentrali
Triq Prof. Joseph J. Mangion
Il-Furjana, FRN 1800
MALTA


Share Article