Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef tħabbru llejla waqt ċerimonja fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, ippreżentata minn Antonella Axisa. Dis-sena kien hemm aktar minn 58 poeżija sottomessa, u dan ifisser li l-konkors jibqa’ punt ta’ referenza importanti għal spettru wiesa’ ta’ poeti Maltin.

Il-poeżija ‘Ħniex’ ta’ Carmel Scicluna ingħatat l-ewwel post u premju ta’ €1,000 mill-grupp ta’ ġurija li kien magħmul minn John P. Portelli, Rita Saliba u David Bezzina.

Ftit snin ilu, fl-2021, Carmel Scicluna rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-ġabra tiegħu L-Ambjent Li Qeridna: Poeżiji (2017-2020) (Horizons), kif ukoll l-istess Konkors Nazzjonali tal-Poeżija f’dik is-sena bil-poeżija ‘Submersi Filii’.

L-aġġudikanti tal-konkors iddeskrivew il-poeżija ta’ Scicluna bħala “Poeżija b’metafori ġo metafori, metafori friski u estiżi, iżda metafori li jinftiehmu. Il-ħsus f’din il-poeżija huma kważi ‘mniffsa’ f’linji sofferenti; il-lingwaġġ huwa mirqum u l-element narrattiv imħaddem tajjeb ħafna, imżewwaq b’emozzjonijiet pjuttost qawwija, u kif ukoll element kritiku socjali.”

Il-poeżija ‘Stadji Minn Relazzjoni Fittizja’ ta’ Louis Briffa ħadet it-tieni post, u tfaħħret għall-mod innovattiv li bih tfiehem il-qalba tal-emozzjonijiet varji tar-relazzjonijiet fil-kumplessità kollha tagħhom. Intant, il-poeżija ta’ Matteo Pullicino, ‘Dupless’ ġiet fit-tielet post, deskritta mill-aġġudikanti bħala poeżija qawwija ħafna li tħaddem b’mod eċċezzjonali l-istil tal-poeżija duplex.

Wait id-diskors tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, esprima ottimiżmu dwar l-għadd ta’ sottomissjonijiet f’din l-edizzjoni.

“Għal darb’oħra qed naraw li l-Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija Doreen Micallef huwa punt ta’ riferiment għal dawk li jiktbu l-poeżija bil-Malti. Kemm jekk poeti misjura, kemm jekk oħrajn li għadhom fl-ewwel passi tal-kitba poetika, il-Konkors jipprovdi spazju kompetittiv li jisfida l-ħiliet tal-kittieba u fl-istess ħin jirrikonoxxihom. Dawn iż-żewġ aspetti jgħinu sabiez ikollna ambjent kreattiv b’saħħtu li fih il-kittieba tagħna jisseddqu”, qal il-Kap Eżekuttiv.

Il-Konkors isir kull sena u jkun miftuħ għal kulħadd. Il-poeżija sottomessa trid tkun bil-Malti, oriġinali, u sa massimu ta’ 36 vers. Ix-xogħol ikun sottomess bi psewdonimu, u jkun aġġudikat anonimament. Il-KNK jirringrazzja lil dawk kollha li tefgħu xogħolhom u lill-membri tal-ġurija. L-edizzjoni li jmiss tiftaħ f’Ġunju tal-2024.

Waqt iċ-ċerimonja tal-lejla, il-poeti nominati ġew mistiedna jaqraw ix-xogħol tagħhom. Magħhom ngħaqdet ukoll Leanne Ellul, ir-rebbieħa tal-Konkors tas-sena l-oħra bil-poeżija ‘ix-xnigħat ta’ xmux u dwalijiet għammiexa’.

Dis-sena waqt iċ-ċerimonja onorawna bil-preżenza tagħhom il-poeta Malti-Marokkin Murad Shubert u l-poeta Emiratjan Ali AlShaali li skambjaw il-poeżiji ta’ xulxin fi traduzzjoni.

Ir-riżultati kollha tista’ tarahom hawnhekk.


Share Article