Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), fil-funzjoni tiegħu ta’ aġent kulturali u edukattiv, ippreżenta diversi kotba lill-Malta Libraries, sabiex jiġu fornuti l-libreriji pubbliċi madwar Malta u Għawdex. Din id-donazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-kotba u l-qari fis-soċjetà Maltija, għan ewlieni tal-KNK.

Id-donazzjoni inkludiet prinċiparjament kotba rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, tal-Premju Terramaxka, kotba li kienu fil-lista finali ta’ dawn l-istess premji u kotba oħra maħruġa minn pubblikaturi Maltin fl-aħħar sentejn, u varjaw minn letteratura fittizja bħal rumanzi, ġabriet ta’ novelli, poeżija u drama għal letteratura mhux fittizja bħal bijografiji u storjagrafiji.

Donazzjoni simili ssir ukoll fil-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet u Jum il-Libreriji f’April. Donazzjonijiet bħal dawn huma ta’ sostenn ta’ likwidità għall-pubblikatur, speċjalment bħalissa, meta l-pubblikaturi qed jaffaċċjaw sfidi finanzjarji minħabba ż-żieda fil-prezz tal-karta.

Id-donazzjoni tal-kotba saret mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri, lil-Librara Nazzjonali u Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Cheryl Falzon.


Share Article