Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jixtieq jinforma lill-awturi kollha li kull ħlas dovut bħala taxxa fuq id-dħul minn drittijiet tal-awtur irid isir sat-30 t’April 2022.

It-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul minn drittijiet tal-awtur għal 15% kienet tressqet mill-Gvern fil-Baġit għall-2021 wara ħidma mill-KNK u l-imsieħba fl-industrija tal-kotba, u f’April tal-2021 ġie emendat l-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul b’Artiklu 31F li jipprovdi dat-tnaqqis fit-taxxa.

Jekk kemm-il darba dak li jkun jixtieq jibbenefika mir-rata mnaqqsa ta’ taxxa ta’ 15% fuq id-drittijiet tal-awtur, jista’ jibgħat il-formola TA25 mehmuża lill-Kummissarju għad-Dħul il-Furjana. Dil-formola trid tintbagħat sal-aħħar t’April.

Tajjeb jiġi nnutat li din il-formola tintuża biss biex l-awtur jibbenefika mit-tnaqqis fit-taxxa f’dan ir-rigward, u mhijiex obbligatorja. L-awturi jistgħu jinkludu d-dħul mid-drittijiet tal-awtur mal-bqija tad-dħul l-ieħor tagħhom kif jagħmlu kull sena, u jiġu intaxxati bir-rata tas-soltu.

Il-KNK kommess li jibqa’ jiddiskuti mal-Gvern sabiex eventwalment it-taxxa dovuta mill-awtur fuq dħul minn drittijiet tkun zero.

Share Article