L-edizzjoni Spanjola tal-ktieb rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2016 ta’ Alex Vella Gera, Trojan, maqlub mill-Malti minn Antoine Cassar, ġiet ippubblikata minn Editorial Librosdementira u qed jinbiegħ fil-ħwienet tal-kotba madwar iċ-Ċile u l-Arġentina. Aktar kmieni f’Mejju, rapreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ingħaqad mal-kittieb u t-traduttur fuq tour promozzjonali b’waqfiet f’Santiago u Buenos Aires.

Troyano tnieda il-lejla tas-Sibt 4 ta’ Mejju fil-Libreria del GAM ta’ Santiago. Waqt preżentazzjoni estensiva, mmexxija mil-kittieba Nicolás Sepúlveda u Rafael Gumucio, ġew diskussi ir-relazzjonijiet bejn knisja u stat f’Malta u fiċ-Ċile, kundizzjonijiet ta’ iżolament, u l-empatija fil-kitba. Fil-ġranet ta’ wara Alex Vella Gera u Antoine Cassar kienu intervsistati mill-ġurnalista Daniela Figueroa Videla fuq l-istazzjon tar-radju Radio Universidad de Chile.

Bejn intervisti mal-istampa Arġentina, il-ktieb ġie preżentat ukoll fil-Fiera tal-Ktieb ta’ Buenos Aires, din id-darba mill-kittieb u ġurnalist Arġentin Matías Capelli u il-kritiku letterarju Gonzalo León.

Bħala parti mix-xogħol immirrat lejn il-promozzjoni tal-letteratura Maltija lil hinn minn xtutna billi jaġixxi bħala aġent letterarju u pont bejn il-kittieb u pubblikaturi barranin, il-KNK ipparteċipa f’laqgħat ma’ persuni fil-qasam tal-pubblikazzjoni rigward aktar opportunitajiet ta’ esportazzjoni letterarja.


Share Article