Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) għadu kif temm il-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba bħala parti mill-mandat legali tiegħu li jikkonsulta mal-awturi fuq il-politiki tiegħu. Mozzjoni mressqa mill-Kap Eżekuttiv Mark Camilleri, li titlob li jibda jkun hemm elezzjoni għall-membri tal-KNK, għaddiet b’ 115 vot favur minn total ta’ 153 li attendew. Tnejn ivvutaw li ma jaqblux mal-mozzjoni, u ħamsa astjenew mill-mozzjoni.

Din hija t-tieni darba li sar il-Kungress. L-ewwel wieħed sar fl-2019, u dakinhar l-awturi vvutaw favur il-proposti tal-KNK dwar ir-Riforma fid-Drittijiet tal-Awtur u dwar it-tiġdid tan-notifika legali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bħala att parlamentari. Il-vot li ttieħed illum dwar l-elezzjonijiet għall-Kunsill ikompli mal-bidliet legali proposti mill-KNK lill-Gvern li għandhom x’jaqsmu mal-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Punti oħra li ġew diskussi waqt il-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba kienu l-bdil ta’ xi regolamenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-kompetenza legali tal-KNK, u l-istat preżenti tal-industrija tal-ktieb.

Il-KNK kburi li jistinka biex imexxi ’l quddiem f’forma ta’ politiki l-aspirazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-imsieħba fl-industrija tal-kotba. Minbarra li jkopri l-ħtiġijiet materjali tal-industrija, il-Kunsill jaqdi dmiru kif imħolli lilu mil-liġi sabiex jipproponi lill-Gvern dak li l-awturi u l-pubblikaturi jiddiskutu bejniethom.

Is-suċċess tal-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba u l-mozzjon proposta sabiex ikun hemm elezzjoni demokratika fil-KNK jassiguraw l-awtonomija u jsaħħu l-irwol tiegħu li jwieżen pubblikament lill-industrija tal-kotba.


Share Article