Aġenzija Żgħażagħ (AŻ) flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iniedu edizzjoni ġdida tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ. Is-sejħa se taċċetta sottomissjonijiet mill-24 ta’ Jannar sal-1 ta’ Settembru 2023.

It-tnedija uffiċjali ta’ dan il-konkors saret f’Novembru waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, permezz ta’ ffirmar ta’ kuntratt bħala turija ta’ qbil mis-CEO tal-AŻ, Miriam Teuma, u l-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri. Waqt din it-tnedija, ir-rebbieħ tal-aħħar konkors, Lon Kirkop, qal kelmtejn dwar ir-rumanz tiegħu Mitt Elf Isem Ieħor: HappyVeganGirlJules. Kirkop tkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ letteratura għaż-żgħażagħ, u l-importanza li tiġi ppubblikata letteratura li tkun verament ta’ persuni fil-bidu taż-żgħożija tagħhom, li titkellem il-lingwa tagħhom, u għalhekk tinkorraġġihom jaqraw aktar u aktar waqt li takkumpanjahom fit-triq tagħhom lejn ħajja ta’ adulti.

Dan il-konkors letterarju annwali għandu l-għan li jtejjeb il-letteratura Maltija u joffri għażla usa’ ta’ letteratura innovattiva, eċitanti u mhux didattika għaż-żgħażagħ fis-suq lokali. Il-konkors, miftuħ għal dawk minn għoxrin sena ’l fuq, se jagħti lill-awturi l-opportunità biex jesploraw temi relatati maż-żgħażagħ u sitwazzjonijiet tipiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istess żgħażagħ f’dan l-istadju ta’ ħajjithom.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, iż-żewġ entitajiet imsemmija ngħaqdu biex iġeddu l-kollaborazzjoni ta’ bejniethom bil-għan li jżidu d-disponibbiltà tal-letteratura Maltija f’dan il-ġeneru, u konsegwentament iqajmu l-interess u l-motivazzjoni taż-żgħażagħ f’kotba miktuba bil-Malti. L-organizzaturi jaspiraw li jtellgħu fil-wiċċ l-eċċellenza, billi jippremjaw xogħlijiet ta’ kontenut letterarju għoli, mhux biss permezz ta’ premji finanzjarji, imma wkoll permezz ta’ għajnuna fil-pubblikazzjoni tal-manuskritt rebbieħ minn dar tal-pubblikazzjoni magħżula mir-rebbieħ. Ir-rebbieħ jintalab jippreżenta pitch tal-manuskritt lil dar ta’ publikazzjoni magħżula minnu u jinnegozja d-dettalji tal-kuntratt ta’ pubblikazzjoni, li hija parti integrali mill-proċess.

Il-manuskritti jiġu evalwati b’mod anonimu minn tliet aġġudikaturi maħtura mill-KNK. Il-manuskritt rebbieħ jintgħażel skont erba’ kriterji stabbiliti – l-iżvilupp tal-plott u l-karattri; l-oriġinalità; il-lingwa; u l-kwalità.

Min jista’ japplika?

L-applikanti eliġibbli jistgħu jkunu individwi jew gruppi ta’ individwi minn 20 sena ’l fuq.

Sabiex l-applikazzjoni titqies eliġibbli, il-manuskritt imressaq ma jistax ikun ippubblikat qabel, kemm b’mod sħiħ, kif ukoll parzjalment.

L-applikanti huma inkoraġġiti jaqraw il-linji gwida bir-reqqa qabel japplikaw.

Kif tapplika?

Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta f’envelopp wieħed li jinkludi erba’ kopji tal-manuskritt oriġinali bil-Malti li fih bejn 20,000 u 25,000 kelma, iffirmat biss permezz ta’ psewdonimu u stampat fuq karta tal-qies A4, flimkien ma’ formola tal-applikazzjoni mimlija u ffirmata li tinkludi d-dettalji kollha (isem tar-rumanz; psewdonimu; isem u kunjom; indirizz postali, numru tat-telefown / tal-mobajl; u indirizz elettroniku) u erba’ kopji ta’ sinopsi b’massimu ta’ 500 kelma.

L-awturi interessati jiktbu r-Rumanz għaż-Żgħażagħ tas-Sena li jmiss, huma mitluba jaqraw il-linji gwida li juru l-proċess ta’ applikazzjoni u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-konkors. Dawn jinsabu hawnhekk jew fuq il-website ta’ AŻ.


Share Article