Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jinforma lill-pubbliku b’preżentazzjoni li ser tittella’ bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Ispanjol (Università ta’ Malta) u l-Ambaxxata ta’ Spanja f’Malta flimkien mal-istess Kunsill u SKS, bit-titlu ‘Cervantes and Don Quixote in Literature and Culture’. Il-preżentazzjoni, li hija waħda mill-attivitajiet ewlenin tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, hija maħsuba sabiex tfakkar l-400 anniversarju mill-mewt ta’ Miguel de Cervantes (1616) u ser tinvolvi għadd ta’ kelliema, fosthom l-espert fuq Cervantes u l-importanza tiegħu fil-letteratura kontemporanja, il-Professur John Ardila.

L-attivita ser tkun imżewqa b’sessjoni ta’ għana popolari minn Emmanuel Abela, għannej popolari miż-Żejtun magħruf bħala Il-fenka u akkumpanjat minn kitarristi popolari oħra, li ser jinterpreta bl-għana siltiet minn DUN KIXOTT MILL-MANĊA (SKS), it-traduzzjoni Maltija f’għamla poetika tax-xogħol ta’ Cervantes minn Pawlu Montebello. Ser ikun hemm ukoll it-tnedija ta’ Żwieġ Qarrieqi (The Deceitful Marriage), wieħed mir-‘rumanzi eżemplari’ ta’ Cervantes li ġie tradott għall-Malti minn Fiona Sciberras. Il-pubblikazzjoni ta’ dan ix-xogħol seħħ bl-għajnuna tal-Ambaxxata Spanjola fl-okkażjoni tal-anniversarju.

L-E.T. José Pons, l-Ambaxxatur ta’ Spanja ser ikun preżenti għall-okkażjoni, li ser iseħħ f’Sala Sir Temi Zammit (MCC, Valletta) fl-10 ta filgħodu, il-Ħadd, 13 ta’ Novembru. Il-diskussjonijiet ser ikunu bl-Ingliż.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm kulturali tul il-ħamest ijiem tal-Festival:

Web: https://ktieb.org.mt/?page_id=139&lang=mt

Facebook: https://www.facebook.com/events/1951963831697045/


Share Article