Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippubblika Espressjoni ta’ Interess għall-pożizzjoni ta’ Organizzatur Kulturali.

Skop, Servizz u Tul

L-iskop ta’ din l-Espressjoni t’Interess huwa li tfittex is-servizzi full-time t’Organizzatur Kultura fuq bażi ta’ kuntratt definit ta’ sena. Il-kandidat għandu jkollu kwalifikazzjoni rikonoxxuta f’Livell 6 tal-MQF, ħakma eċċellenti kemm tal-Malti kif ukoll tal-Ingliż, għarfien eċċellenti tal-Microsoft Office, kapaċi juża l-mezzi tal-midja soċjali, u għandu għarfien tal-industrija tal-ktieb Malti, tal-pubblikazzjoni u l-letteratura lokali. Esperjenza ta’ xogħol preċedenti fl-organizzazzjoni t’avvenimenti ħa tkun ikkunsidrata bħala vantaġġ. 

Il-post fejn il-Kandidat/a magħżul/a jagħti s-servizz tiegħu huwa fl-Uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kumpless Bice Mizzi Vassallo, Triq Arnhem, Pembroke.

Il-ħatra tkun għal perjodu ta’ sena (1) waħda, li tista’ tiġġedded jekk jintlaħqu livelli sodisfaċenti ta’ prestazzjoni, fuq bażi ta’ ġimgħa ta’ 40 siegħa.

Sottomissjonijiet t’applikazzjonijiet

Persuni interessati u li huma eliġibbli sabiex japplikaw għandhom jindikaw dan l-interess billi jibagħtu imejl fuq nationalbookcouncil@gov.mt u jehmżu ittra u s-CV tagħhom, sa mhux aktar tard minn nofsinhar tad-29 ta’ Lulju 2022 u jindikaw fl-imejl is-suġġett u r-referenza tal-Espressjoni tal-Interess (Services of Cultural Organiser – EOI 1/2022).

Ħlas

Qed tiġi offruta remunerazzjoni (paga bażika) ta’ €26,000 fis-sena.

Aqra l-Espressjoni ta’ Interess fl-intier tagħha minn hawn.

It-tħabbira tista’ tinqara fuq il-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Lulju.


Share Article