Ilbieraħ il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippreżenta għadd ġmielu ta’ kotba lill-Kummissjoni għall-Vjolenza abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika li se jitqassmu f’ħames xelters li jilqgħu persuni li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika.

Il-preżentazzjoni kienet parti minn kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika bit-tema ‘Il-vuċi tiegħek tista’ teħilsek’, u qed issir b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali u l-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Il-kotba, ippreżentati mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, jinkludu bosta titli li rebħu l-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti kif ukoll oħrajn li rebħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-adulti, fosthom rumanzi, novelli, poeżiji u xi kotba tar-riċerka. Din id-donazzjoni se tkun qed timla l-ixkafef tal-libreriji ta’ Dar Merħba Bik, Għabex, Il-Milja (Fondazzjoni Sebħ), Dar Emmaus u SOAR Malta.

Fid-diskors tiegħu Camilleri rrimarka kemm hu importanti li fi żminijet ta’ tbatija mqar ikun hemm persuna waħda li ma titlaqx lil min ikun qed ibati, madankollu sostna li ktieb ukoll jaf ikun ta’ sostenn u wens sabiex it-tama ma tintilifx. Fakkar f’dawk il-persuni u tfal li qalb il-vjolenza jsibu l-mistrieħ u l-ħarba tagħhom fil-kotba, fit-tagħlim u fl-istejjer.

Il-kotba ntlaqgħu minn Graziella Castillo, Direttur ta’ Aġenzija Appoġġ, Yvonne Fiorini Lowell li hi s-Service Area Leader tal-aġenzija, u Yvonne Mallia li hi d-Direttur ta’ Il-Milja. Fil-preżenza tagħhom kien hemm il-Kummssarju għall-Vjolenza abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, il-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, u l-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici.

Ritratti ta’ Nicholas Saliba.


Share Article