Wara s-suċċess tal-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba, li sar fid-29 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippreżenta l-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb lill-Ministru tal-Edukazzjoni, l-On. Justyne Caruana, bid-dispożizzjonijiet elettorali kif approvati mill-Kungress.

Ix-xogħol fuq il-liġi kien diġà beda sa mill-ewwel Kungress Nazzjonali tal-Kittieba f’Settembru tal-2019 li eventwalment wassal għall-ħolqien tal-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Att dwar ir-Riforma tad-Drittijiet tal-Awtur.

Il-vot b’saħħtu favur elezzjonijiet demokratiċi għall-membri tal-Bord tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Kap Eżekuttiv tiegħu juri d-determinazzjoni ċara tal-awturi biex jagħrfu lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bħala entità awtonoma u jikkonsolidaw uffiċjalment din l-awtonomija permezz ta’ Att tal-Parlament. Flimkien mal-Att dwar ir-Riforma tad-Drittijiet tal-Awtur, l-Atti jinkludu dispożizzjonijiet relatati li jagħmluhom konformi mal-aħħar Direttivi u standards tal-UE. 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb issa qiegħed jitlob formalment lill-Ministru tal-Edukazzjoni sabiex tiġi diskussa din il-liġi u tiġi mfittxa l-approvazzjoni tagħha. Aħna ħerqana għal diskussjonijiet mal-Gvern sabiex niżguraw l-iktar riżultat pożittiv minn dan il-proċess.

L-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jista’ jinqara hawn.


Share Article