Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 kif ukoll l-applikazzjonijiet għall-Premju Terramaxka – il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-tfal u l-adolexxenti 2021. Bħal dejjem, kotba ppubblikati s-sena ta’ qabel biss (2020 għall-edizzjoni ta’ dis-sena) jistgħu japplikaw.

Dawn il-publikazzjonijiet lokali, bil-Malti jew bl-Ingliż, iridu jkunu jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li huma aċċettati fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u fil-Premju Terramaxka.

Għal din l-edizzjoni l-kategorija tal-Poeżija, li kienet maqsuma fiż-żewġ kategoriji bil-Malti u bl-Ingliż, issa saret kategorija waħda li tinkludi ż-żewġ lingwi. Minn barra hekk, il-kategorija tat-Traduzzjoni għall-Malti, li kienet esklussiva għall-ġeneru tal-letteratura fittizja, issa ġiet estiża għal xogħlijiet ta’ letteratura mhux fittizja, poeżija, kif ukoll teatru. Issa hemm b’kollox tmien kategoriji fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti: Rumanzi, Novelli, Poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż, Drama, Letteratura mhux Fittizja, Traduzzjoni, Riċerka Ġenerali, u Riċerka Bijografika u Storjografika. Is-sitt kategoriji fil-Premju Terramaxka għat-Tfal u l-Adolexxenti jikkonsistu minn tliet kategoriji ta’ xogħlijiet oriġinali għat-tfal u l-adolexxenti skont l-età, u tliet kategoriji oħra ta’ kotba għat-tfal u l-adolexxenti skont l-età (0–7, 8–12 u 13–16-il sena) għal xogħlijiet maqlubin għall-Malti, wieħed għal kull grupp.

Jista’ jkun hemm rebbieħ wieħed f’kull kategorija, u ma jistax jingħata aktar minn premju wieħed f’kull kategorija. Il-premji jingħataw lil dawk l-awturi ta’ pubblikazzjonijiet iġġudikati bħala xogħol ta’ valur letterarju, kulturali, jew akkademiku għoli. Il-marka mogħtija lill-kotba rebbieħa għandha tilħaq id-90%, li taċċerta li xogħlijiet li jġibu inqas punti xorta ma jingħatawx il-premju anki jekk ikunu ġabu aktar marki mill-oħrajn iżda ma laħqux id-90%. Huwa possibli li ebda rebbieħ ma jintgħażel għal kategorija partikolari jekk il-livell meħtieġ ma jintlaħaqx minn l-ebda xogħol finalist f’dik il-kategorija. Jinħatar bord indipendenti ta’ aġġudikazzjoni li xogħlu jkun speċifikament li jaġġudika l-Premju u jevalwa s-sottomissjonijiet skont damma ta’ kriterji apposta għal kull kategorija. Il-kriterji, ir-regolamenti u l-applikazzjoni tista’ tniżżilhom mill-paġna tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fuq ktieb.org.mt.

L-għotja allokata għal kull kategorija tal-Premju (fosthom il-kategoriji speċjali tal-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, il-Premju Poeta Lawreat u l-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra) hija ta’ €4,000, filwaqt li l-kategoriji tat-traduzzjoni għat-Terramaxka biss jieħdu l-premju ta’ €2,000. Il-Premju Poeta Lawreat jingħata lill-awtur li, bħala r-riċevitur tal-Premju Nazzjonali għall-Poeżija, ikun diġà rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-Poeżija fil-passat. Is-somma titqassam f’erba’ ħlasijiet indaqs kull sena, bil-kundizzjoni li matul is-sena l-poeta jikteb ammont sostanzjali ta’ poeżija li jkun ippubblikat f’ġabra waħda wara l-għotja tal-Premju u fi żmien erba’ snin. Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu għand il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sat-Tnejn, 26 ta’ April 2021 f’nofsinhar, bl-applikazzjoni kompluta u erba’ kopji tal-ktieb jew kotba sottomessi. Huwa importanti li l-applikant jindika l-kategorija t-tajba għal kull sottomissjoni.

Ibgħat l-applikazzjoni f’dan l-indirizz:

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

c / o Librerija Pubblika Ċentrali

Triq Prof. Joseph J Mangion

il-Furjana FRN 1800

 

 


    Share Article