Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qiegħed iħabbar bi pjaċir id-dati għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022, li dis-sena se jseħħ bejn l-Erbgħa 23 u l-Ħadd 27 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali (MFCC). Fetħu wkoll l-applikazzjonijiet għall-esebituri li jridu jipparteċipaw f’din l-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

L-applikazzjoni, bir-regolamenti, il-proviżjonijiet u l-prezzijiet aġġornati, hija miftuħa għall-pubblikaturi lokali u internazzjonali kollha, distributuri tal-kotba, ħwienet tal-kotba, u aġenziji tal-kotba. Għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet pubbliċi li l-kamp tal-attività tagħhom jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ materjal letterarju jew il-promozzjoni tal-letteratura huma wkoll eliġibbli biex japplikaw. Il-kittieba awtoppubblikati (self-published) għal darb’oħra qed ikunu mistiedna japplikaw u jieħdu vantaġġ mill-fatt li dis-sena se jkunu ppużizzjonati aħjar mis-sena l-oħra. L-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu sal-24 ta’ Ġunju 2022, jiġifieri inqas żmien għall-applikazzjoni li se jgħin fl-organizzazzjoni u l-loġistika tax-xogħol involut.

L-użu taċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali, li huwa l-akbar post f’Malta fejn isiru l-konferenzi u l-esebizzjonijiet, ifisser li l-edizzjoni tal-2022 tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se tkun akbar u aħjar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtiġijiet loġistiċi tal-imsieħba u l-viżitaturi tagħna, fosthom l-aċċessibiltà u l-parkeġġ. Barra minn hekk, qed jiġu offruti damma ta’ għażliet ġodda għall-istands, fosthom l-opportunità li l-esebitur jippersonalizza b’mod parzjali jew fl-intier l-istand tiegħu.

Dawk kollha interessati jieħdu sehem huma mħeġġa biex japplikaw kmieni u jippreżentaw, flimkien mal-applikazzjoni tagħhom, lista dettaljata (jekk hemm) ta’ attivitajiet li jixtiequ jinkludu fil-programm kulturali tal-Festival, bid-dettalji sħaħ u d-deskrizzjoni tal-avvenimenti sal-31 t’Awwissu. Ġentilment ninfurmaw li dawk l-applikazzjonijiet li jiddaħħlu kmieni jistgħu jingħataw preferenza fil-programm tal-attivitajiet. L-applikanti mistennija jaqraw bir-reqqa t-termini u l-kundizzjonijiet kollha qabel japplikaw. 

L-applikazzjoni tista’ timtela online mis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, jew tintbagħat bil-posta. Il-ħlas tal-istand/s magħżulin irid isir sal-20 ta’ Settembru 2022.

Minħabba ż-żieda kurrenti fl-ispejjeż li esperjenzaw diversi industriji, u li affettwaw il-prezz tal-materjal għall-istands u l-prezz ta’ spejjeż oħra bħat-trasport, il-prezz għat-twaqqif tal-istands għal kull metru kwadru żdied, bħalma żdiedet b’mod sħiħ l-ispiża tal-Festival innifsu. Minkejja dan, kull miżata għall-istands tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed tkun issussidjata b’75% tal-prezz sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-esebituri prospettivi, anki meta wieħed iqis iż-żieda esponenzjali tal-prezz tal-karta li l-pubblikaturi qalgħu u li qed taffettwalhom serjament kull dħul ieħor.

Barra minn hekk, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jerġa’ joffri lill-esebituri ċ-ċans li jitolbu lura rifużjoni parzjali (minimu ta’ 50%) jew sħiħa tal-miżata tal-istand jekk jirreġistraw għall-Iskema tar-Rifużjoni tar-Reklamar għall-Esebituri u jippromwovu l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-avvenimenti, il-kotba u/jew il-parteċipazzjoni tagħhom. Il-promozzjoni għandha ssir lil udjenza wiesgħa mal-istampa lokali jew fuq il-mezzi soċjali (kampanji mħallsa fuq Facebook, jew powsts ibbuwstjati li jkunu jistgħu jiġu vverifikati b’fattura/irċevuta). Ir-rifużjoni toħroġ ladarba jiġu ppreżentati dawn il-fatturi/irċevuti uffiċjali u jkun hemm prova tar-reklamar.

L-applikazzjoni trid tiġi sottomessa jew online jew stampata fil-format .pdf u mibgħuta bil-posta sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 2022.

MBF 2022
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Kumpless Bice Mizzi Vassallo
Triq Arnhem
Pembroke PBK1776
Malta

Żur is-sit jew il-paġna Facebook tal-KNK għal aktar aġġornamenti dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022. Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar eliġibbiltà biex tipparteċipa bħala esebitur tiddejjaq xejn tkellem lil Matthew Borg (matthew.borg@ktieb.org.mt) jew lil Andrew Ricca (andrew.ricca@ktieb.org.mt).


Share Article